Aktar minn 200 persuna li kienu maqbuda qalb in-nirien f’Kalifornja ġew salvati minn ħaddiema tas-salvataġġ, b’uħud minnhom sofrew xi ħruq.
Uffiċjali qed jgħidu li n-nar tqabbad waqt festin li fih ġie żvelat il-ġeneru tat-tarbija tal-koppja li organizzaw il-festin u huwa maħsub li kien apparat pirotekniku li qanqal in-nirien f’El Dorado li issa nfirex fuq sebat elef tomna.
Intant, fuq Twitter id-Dipartiment tal-Forestrija u l-Protezzjoni min-Nirien ta’ Kalifornja wissa li l-kundizzjonijiet tat-temp fl-Istat faċilment jista’ jikkawża nirien li jinfirxu f’ħakk t’għajn. Id-Dipartiment qal ukoll li l-persuni li jikkawżaw nirien jistgħu jinżammu finanzjarjament u kriminalment responsabbli.
Kalifornja bħalissa qed tesperjenza mewġa ta’ sħana qawwija bit-temperatura tilħaq livell ta’ 49.4 grad celcius. Intant, ix-xahar li għadda f’Kalifornja wkoll ġiet irraportata l-ogħla temperatura qatt irrekordjata fid-dinja, dik ta’ 54.4 grad celcius.