Illum fi Brussell saret laqgħa urġenti tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaw is-sitwazzjoni straordinarja tal-prezzijiet tal-enerġija u biex ikomplu jiddiskutu l-miżuri lijistgħu jittieħdu fi sforz biex jittaffew l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni.
Waqt li kienet qed tindirizza l-laqgħa tal-Kunsill tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, enfasizzat l-importanza li kwalunkwe miżura implimentata mill-Unjoni Ewropea tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha u ma tgħqbbix lin-nies u n-negozji bi spejjeż addizzjonali.
Il-Ministru Miriam Dalli mbuttat ’il quddiem l-introduzzjoni ta’ prezz massimu fuq il-gass li jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din, sostniet il-Ministru Dalli, tista’ tkun l-aktar proposta b’saħħitha jekk tiġi kkumplimentata b’miżuri li jistgħu jiżguraw li ma jkunx hemm aktar nuqqas ta’ gass. Din il-miżura tista’ ttaffi mill-prezz tal-elettriku bl-ingrossa.
Il-Ministru Dalli qalet li għandha tiġi evitata kwalunkwe proposta li tissuġġerixxi tnaqqis obbligatorju tad-domanda għall-elettriku li tweġġa’ kemm lin-nies kif ukoll lill-ekonomiji Ewropej. Dan kien il-każ b’mod partikolari għal pajjiż bħal Malta, li jiddependi mill-elettriku għall-attivitajiet tiegħu.
Malta diġà bdiet tħaddem miżuri biex tinċentiva l-effiċjenza u tnaqqas il-ħela tal-enerġija f’binjiet u entitajiet pubbliċi. Bħalissa għaddejja ħidma biex miżuri bħal dawn jiġu adottati mis-settur kummerċjali filwaqt li hemm kampanji ta’ informazzjoni maħsubin biex jindirizzaw lill-familji wkoll.
Quddiem din il-kriżi, wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ewropea tħaffef l-investiment tant meħtieġ fl-infrastruttura tal-enerġija nadifa madwar l-Ewropa, żiedet tgħid il-Ministru Dalli.
Hija appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin fit-tranżizzjoni għall-enerġija ekoloġika, daqs kemm għamlet waqt il-kriżi finanzjarja, meta ġew investiti €3.2 triljun biex tinjetta l-likwidità fil-banek Ewropej fuq perjodu ta’ 8 snin.