L-elezzjoni għall-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li saret bejn is-16 u s-17 ta’ Lulju li għadda kienet ikkaratterizzata minn block vote.
Dan il-block vote ieħor mimli intriċċi fil-Partit Nazzjonalista, fejn Nazzjonalisti jimminaw Nazzjonalisti oħra, tmexxa min-nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u minn nies qrib il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech.
Fost dawn hemm ħu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said, is-Sindku tan-Nadur, Edward Said.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu ma’ ONE News li jikkordina dan il-block vote kien hemm ukoll Alessandro Farrugia, il-kelliem ta’ Bernard Grech.
Din tal-block vote fil-Partit Nazzjonalista mhijiex xi ħaġa ġdida.
F’Jannar li għadda, il-fazzjoni ta’ Simon Busutill għamlet l-istess eżerċizzju fl-elezzjoni għall-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema, li din l-elezzjoni tħassret, hekk kif dawk tal-eks Kap Adrian Delia rtiraw il-kandidatura tagħhom.
Dan il-block vote imbotta nies li huma tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u ħalla barra lil dawk li kienu fil-fazzjoni ta’ Delia.
Fost dawk li ħallew barra kien hemm is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Roselyn Borg Knight.
F’April li għadda, Borg Knight ħarġet tgħid li l-partit ta’ Bernard Grech għandu l-problemi u li għandu jieqaf idoqq l-istess diska.
Dan il-block vote ħalla barra wkoll lill-Avukat Joe Giglio, minħabba li dan tal-aħħar jitqies bħala theddida għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Iżda Giglio tela’ b’saħħa fl-eżekuttiv.
Mill-informazzjoni li għandna Giglio ried sieq fl-Eżekuttiv biex ikun jista’ jissielet għall-attakki li qed jagħmlu kontra tiegħu.
Dan b’mod partikolari l-klikka tad-deputati Nazzjonalisti Chris Said, Karol Aquilina u Jason Azzopardi.
Sadanittant fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista reġgħu ġew eletti Francis Zammit Dimech, Michael Fenech Adami u Alex Perici Calascione.
Huma ħadu nofs is-siġġijiet għall-elezzjoni li kien hemm għall-Eżekuttiv.