Minn belt kapitali baħħ għall-Belt Valletta kapitali tal-kultura u mutur ekonomiku. Hekk ħafna jiddiskrivu t-trasformazzjoni tal-kapitali Maltija fl-aħħar snin.
Dan is-sentiment ġie espress ukoll mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-ħwienet fil-Belt Valletta, is-Sur Paul Fenech.
Spjega kif “In-nies reġgħu bdew ifittxu l-Belt Valletta, jiġifieri huwa ta’ sodisfazzjon kbir li b’dak kollu li sar u dak li qed isir kemm min-naħa tal-business establishments kif ukoll min-naħa tal-gvern qegħdin jikkontribwixxu biex il-Belt iktar qed terġa’ tieħu ir-role ta’ Belt kapitali li n-nies ifittxuha.”
Dan il-Milied ra ħafna nies jerħula lejn il-Belt hekk kif ttellgħu numru ta’ attivitajiet, waħda wara l-oħra li ġibdu eluf ta’ nies, mill-għeluq tal-kapitali ewropea tal-kultura sal-avveniment ta’ tmiem is-sena fi Pjazza San Ġorġ.
Dawn l-avveniment kollha raw żieda fin-negozju fis-settur tal-ospitalitá u r-ristoranti.
Is-settur tal-bejgħ ukoll mar tajjeb, b’diversi sidien ta’ negozji jirrapportaw żieda fin-negozju meta kkumparat mas-snin ta’ qabel.
Dan kollu huwa prova oħra ta’ ekonomija ħajja fejn qiegħed jiġi ġġenerat il-ġid u jerġa’ jiġi investit fil-ħwienet u n-negozji ta’ pajjiżna.
Iżda l-isfidi ma jaqtgħux. Minkejja iż-żieda fil-bejgħ, diversi sidien jirrapportaw kompetizzjoni dejjem tiħrax mis-settur tan-negozju online.
Is-Sur Fenech jistqarr li l-aqwa arma li n-negozju jista jkollu biex jissaħħaħ kontra l-bejgħ online hija l-kwalità f’dak li jinbiegħ lill-konsumatur.