F’dan iż-żmien li qed ngħixu, tiżdied il-ħtieġa li fil-familja nieħdu ħsieb xulxin, inkunu kalmi, nieħdu paċenzja b’xulxin, u nevitaw kunflitti bla bżonn.
It-terapista tal-familja Charles Azzopardi, qal li fil-preżent hawn ħafna tensjoni li ma tagħmel l-ebda ġid, u minflok għandna nagħmlu użu mill-ħin flimkien bl-aħjar mod possibbli.
Is-Sur Azzopardi spjega: “Dan huwa mument fejn nistgħu nutilizzawh biex noħorġu the best out of us, anke mad-difikultajiet. Jiġifieri d-difikultajiet se jinqalgħu bilfors.”
Dr Azzopardi qal li qed ngħixu esperjenza li ħafna drabi jgħaddu minnha koppji fi żmien il-pensjoni.
Innota li fil-prattika tal-professjoni tiegħu jiltaqa’ ma’ ħafna li huma għatxana għall-ħin ta’ kwalità flimkien.
“Ħafna nies, ħafna kopji, ħafna familji li kont niltaqgħa magħhom jien fit-terapija l-ilment primarji tagħhom kien li ma għandhom ħin ta’ xejn,” sostna s-Sur Azzopardi.
It-terapista jinsab ottimist li bħala poplu se noħorġu minn din l-esperjenza bħala soċjetà differenti.
Huwa kompla jispjega: “Hija tipika li l-opposti jingħaqdu flimkien meta jkun hemm għadu komuni. Naħseb din tal-għadu komuni qed isservi tajjeb dan il-virus bħala għadu komuni biex jgħaqqad in-nies kontrih, kulħadd flimkien kontrih.”
It-terapista tenna li din l-esperjenza li ġiet fuqna bħal sajetta fil-bnazzi għandha tkun opportunità biex nużaw il-ħin li għandna flimkien biex insaħħu l-komunikazzjoni tagħna mhux biss mal-membri tal-familja, imma wkoll mal-ħbieb li forsi minħabba r-rutina mgħaġġla ta’ kuljum, tlifna l-kuntatt minn magħhom.