“Sfortunatament, meta n-nies jarawni bħal donnu jieħdu xokk u jiġġudikawni. Nweġġa’ ħafna b’din l-attitudni.”
Dan stqarritu tfajla f’intervista ma’ The People of Malta, li spjegat li tweġġa’ kif tara dik il-ħarsa fissa li tiġġudika għaliex għandha t-tpinġija.
Hija qalet li din hija attitudni ħażina, li bħal donnu wieħed jassummi li għax din it-tfajla għandha t-tpinġija mela jfisser li tpejjep, tixrob jew tagħmel użu mid-drogi.
“Nweġġa’ b’din l-attitudni, jiena ma npejjipx, ma nixrobx u qatt ma abbużajt mid-drogi. Nħossni kburija bija nnifsi għax mhux faċli.”
Din it-tfajla qalet li tippreferi l-kumpanija tal-familjari tagħha milli tmur Paceville dan minkejja li wieħed jassummi li għax għandha t-tpenġija tgħix ħajja partikolari.
“Jiena ma jinteressaniex ħaddieħor x’jaħseb fuqi sakemm nibqa’ ngħix ħajja diċenti. It-tpinġija togħġobni u se nkompli nagħmel aktar biċċiet.”