Ironikament il-Kap tal-Oppożizzjoni qal il-frażi , ‘in-nies ma jistgħux jaċċetaw li l-azzjoni hija kontra d-diskos li jsir ‘ fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid illum.
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil għandu japplika din il-frażi għalih stess u ma jippriedkax fuq good governance jekk mhux lest li jieħu azzjoni fuq Beppe fenech Adami li bena parti mid-dar tiegħu f’ żona ODZ , fuq Mario deMarco li sarulu xogħolijiet b’xejn fid-dar tiegħu minn kuntrattur privat, u issa fuq Tonio Fench li huwa chairman ta’ kumpanija fil-British Virgin Islands u huwa segretarju ta’ kumpanija li tiftaħ trusts f’Jersey, ikkunsdrat bħala tax haven, filwaqt li għandu diversi kumpaniji oħra ma nies li kien appuntahom hu f’pożizzjonijiet importanti fi żmien meta kien Ministru tal-Finanzi.
“Dwar dan kollu, Simon Busuttil jew ma jitkellem xejn jew inkella jgħid li hu tfigħ ta’ ħmieġ. Il-ġustifikazzjoni li ma sar xejn illegali biex tiġġustifika nuqqas ta’ responsabbilità politika mhux biżżejed. Bil-kejl tiegħu stess li jagħmlu fuq ħaddieħor iżda qatt ma japplikah fuqu nnifsu stess, illum stess Tonio Fenech għandu jirriżenja mill-Parlament.”
Il-Partit Laburista żied jgħid li fil-jum tal-anniversarju li rrimarkah hu stess illum, ta’ tlett snin mindu nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kien negattiv għal darb’oħra, m’għamel l-ebda proposta u ma semma l-ebda azzjoni li ser jieħu hu, izda qal li jippretendi li l-Prim Ministru jirriżenja .
“Dan filwaqt li għal darb’oħra jattakka l-istituzzjonijiet tal-pajjiż li għalih huma ġusti meta jattakaw il-Gvern, iżda l-istess istituzzjonijiet mhumiex kredibbli meta ma jattakawx lil Gvern. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu raġun, in-nies ma jaċċettawx il-politika tiegħu fejn id-diskors hu differenti mill-azzjoni li tittieħed, każ car ta’ double standards,” temm jgħid il-Partit Laburista.