Din mhix l-ewwel darba li f’Malta kien hawn iktar minn elfejn każ attiv ta’ COVID-19, però n-numru ta’ nies l-isptar għall-kura fi żmien meta ma kienx hawn vaċċin jew kienu ftit nies biss li tlaqqmu, kien ferm iktar minn dak li hu llum.
Analiżi tal-MaltaToday irrimarkat kif sal-ġimgħa l-oħra kien hemm ħmistax-il pazjent l-Isptar Mater Dei, meta f’Marzu li għadda, bl-istess numru ta’ każijiet attivi kien hemm mitejn u ħamsin persuna rikoverata l-isptar.
Fattur ieħor li jissemma, li jikkontribwixxi għan-numri baxxi fl-isptarijiet, huwa dak li l-maġġoranza tal-infezzjonijiet ġodda huma fost nies li għandhom bejn l-għaxar snin u d-disgħa u tletin sena, li minn dejjem kienu rari li jispiċċaw l-isptar.
L-analiżi bi grafika ċara li turi li n-numru ta’ nies l-isptar naqsu id f’id maż-żieda fin-nies li ħadu l-vaċċin, ikkonkludiet li t-tilqim qed jaħdem.
Dan qed ikun innotat madwar id-dinja, għalkemm ix-xjentisti għadhom ma jafux kemm iddum l-immunità jew meta hemm bżonn tittieħed doża addizzjonali.
Minkejja din l-analiżi, li tagħti sens ta’ tama li l-agħar għadda, xorta wieħed irid joqgħod attent u jipprova jżomm in-numri baxxi kemm jista’ jkun, speċjalment minħabba li gruppi fil-popolazzjoni bħal nisa tqal u tfal, ma jistgħux jieħdu l-vaċċin.
Ir-rapport jirrimarka l-fatt li Malta hija fost l-aktar pajjiżi fid-dinja b’rati għoljin ta’ tilqim, u dan jagħti l-opportunità lill-Gvern biex ikun kreattiv fil-miżuri li jieħu filwaqt li jesplora possibilitajiet xprunati mill-vaċċin.
Ir-rapport jelenka wkoll iż-żewġ għanijiet tal-Gvern wara d-deċiżjonijiet li ħa biex jikkontrolla l-infezzjonijiet; l-ewwel wieħed li jżomm ir-rata ta’ mwiet baxxa kemm jista’ jkun, u t-tieni li l-isptarijiet ma jikkrollawx.
Issa, b’aktar minn tmenin fil-mija tal-popolazzjoni mlaqqma, il-Gvern laħaq dawn iż-żewġ għanijiet fl-istess waqt li neħħa r-restrizzjonijiet b’mod meqjus.