“In-nies l-ewwel, u l-poplu Malti se jibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħna.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’attivita politika l-Ħadd filgħodu miċ-Ċentru Laburista f’Raħal Ġdid, fejn saħaq li l-Gvern li jmexxi għandu twemmin sod: dak li f’kull deċiżjoni li jieħu jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u jħares l-għajxien tal-familji u l-pensjonanti.
Fl-ewwel attività ta’ nhar ta’ Ħadd minn mindu l-Partit Laburista rebaħ b’mod storiku l-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li għadda, il-Prim Ministru għamel referenza għall-importanza li l-ekonomija Maltija tibqa’ tikber.
Huwa rrimarka li ekonomija soda hija għodda b’saħħitha sabiex il-Gvern jibqa’ jgħin lin-nies u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
“L-ekonomija hija dik li hija l-bażi ta’ kollox u hija l-għodda li biha nistgħu verament, meta niġu biex il-prinċipju tan-nies fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħna nattwawh fil-prattika, hija dik li tagħtina l-għodda li, bil-miżuri li nagħmlu verament dak il-prinċipju nistgħu nimplimentawh.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa nnota l-fiduċja konsistenti fil-Gvern u f’pajjiżna li qed ikollhom investituri f’bosta oqsma, fosthom dak tal-avjazzjoni, tas-servizzi finanzjarji, u tal-bejgħ.
Il-Prim Ministru tenna li Gvern Laburista għandu messaġġ konsistenti li jwasslu kullimkien u f’kull forum: dak li n-nies huma l-ewwel.
Robert Abela għamel referenza għall-investiment qawwi li l-Gvern qed jagħmel f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, kemm fil-familji kif ukoll fin-negozji.
“Jien nitkellem dwar investiment; investiment fin-nies u fin-negozji. Xi jfisser dan l-investiment? Ifisser li, bis-saħħa tiegħu, għandek in-negozji kollha ta’ pajjiżna li baqgħu għaddejjin b’fiduċja daqs qatt qabel. Ifisser ukoll, dan l-investiment b’saħħtu, li l-konsumatur baqagħlu l-fiduċja li, għax jaf li dan il-Gvern ma jemminx fl-issikkar taċ-ċintorin, ma jemminx fil-politika ekonomika tal-awsterità. allura ħallejna l-kunfidenza fil-konsumatur – imur jixtri l-prodott u jixtri s-servizzi offruti, u b’hekk iddur ir-rota ekonomika.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq li din is-sena l-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn erba’ mija u sebgħin miljun ewro f’għajnuna marbuta mal-enerġija lill-familji u n-negozji.
Meta kien qed isemmi l-Baġit għas-sena d-dieħla, li se jitħabbar fl-24 ta’ Ottubru li ġej, huwa qal li l-Gvern diġà impenja ruħu li jinvesti aktar minn €600 miljun f’għajnuna marbuta mal-enerġija lill-familji u n-negozji.
Fuq l-istess tema, dik tal-enerġija, Robert Abela għamel referenza wkoll għall-kisba tat-tielet deroga minn Malta fil-livell Ewropew. Pajjiżna, b’reputazzjoni b’saħħitha u kompetenti iżda anki bil-partikolaritajiet tiegħu bħala gżira, ġie eżentat minn impatt negattiv fejn jidħlu limitazzjonijiet fl-użu tal-elettriku.
Il-Mexxej Laburista saħaq li l-Gvern irid jibqa’ jgħin billi jibqa’ kuraġġuż biex jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jmexxu l-pajjiż ’il quddiem.
Robert Abela saħaq li l-fiduċja tal-poplu l-Gvern se jkompli jsarrafha f’ħafna xogħol.Qal li l-elf proposta mwiegħda issa bdew jieħdu x-xejra ta’ elf kisba għal pajjiżna.
“Fuq livell ta’ Gvern irridu nibqgħu nieħdu dawk id-deċiżjonijiet – jekk humiex fuq livell ta’ proġetti nazzjonali, jekk humiex teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kuljum – ejja nimbuttaw ’il quddiem, ejja nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet, ejja nibqgħu nkunu l-katalisti tal-bidla. Jien l-ewwel wieħed, għandi fija ħafna u ħafna kuraġġ biex nibqgħu nimbuttaw dan il-programm ta’ bidliet ’il quddiem. Dawk l-elf proposta nibqgħu nimbuttawhom ’il quddiem, u għalhekk li, bħala tim, in-nies fdawna u tawna l-fiduċja tagħhom biex nibqgħu nimplimentaw dan il-programm ta’ riformi flimkien.”
il-Prim Ministru Robert Abela