Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fi stħarriġ tal-MaltaToday dwar l-annimali domestiċi, għandhom pet id-dar.
Mill-istħarriġ – li bir-riżultati li ħarġu ingħata t-titlu “A nation of pet lovers”, irriżulta li l-klieb huma l-aktar annimali popolari biex jinżammu bħala pet.
Isegwuhom hemm il-qtates u l-għasafar rispettivament.
L-istħarriġ wera li nofs dawk intervistati, jonfqu madwar tletin ewro fix-xahar għall-pet tagħhom.
Sebgħa u tletin fil-mija qalu li jonfqu sittin ewro fix-xahar, aktar minn għaxra fil-mija jonfqu sa disgħin ewro, u kważi tlieta fil-mija oħra jonfqu aktar minn disgħin ewro għall-annimal li jgħix magħhom.
Iżda dawn il-flus fiex jintefqu?
F’maħżen f’Ta’ Qali għand kumpanija li ilha tissupplixxi ikel u prodotti tal-annimali domestiċi aktar minn sebgħin sena, l-imprenditur Nigel Borg Cardona spjega li l-maġġoranza tal-bejgħ imur għall-ikel u l-mediċina.
“L-avvanz fix-xjenza dejjem jikber, il-veterinarji qed ikollhom iktar għodda f’idejhom biex jagħmlu ċertu dijanjożi fuq klieb u qtates u qed naraw moviment kbir lejn tip ta’ ikel li qed jinxtara mill-owners tal-pets biex jitrattaw il-pets tagħhom biex ikollhom ħajja iktar xierqa.”
Fl-istess post iltqajna ma’ wieħed mill-impjegati tal-kumpanija – il-veterinarju Corey Farrugia – li għandu wkoll ħamest iklieb.
“Narani nonfqilhom qisu kważi mitejn u ħamsin fix-xahar imbagħad kull sena għandek il-vaccinations tas-soltu għax importanti biex tevita ċertu mard bħall-parvo bħalissa hawn ħafna dawk mainly għalissa għax għadhom b’saħħithom u nittama li jibqgħu.”
L-istħarriġ wera wkoll li aktar minn tmenin fil-mija ta’ dawk intervistati, iqisu lill-pet tagħhom bħala membru tal-familja.
Filfatt, Borg Cardona spjega li jekk ħamsin sena ilu, il-kelb kien jintuża għall-għassa, u l-qattus biex jaqbad il-ġrieden, illum il-pet sar parti mill-familja, u mhux persuna jew tnejn jagħmlulu xi dieta speċjalizzata u jlibbsuh il-ħwejjeġ daqslikieku huwa bniedem.
“Kulma jmur naraw li t-trend li nikkreaw humanisation ta’ klieb u qtates dejjem qed tikber għax fihom qed insibu wens li forsi ma nistgħux insibu fi bnedmin oħrajn.”