Deskritt għal darba, darbtejn bħala bniedem tan-nies. Silvio Parnis, ir-raġel li huwa sinonimu mal-għajnuna u l-altruiżmu.
Issaqsi lil min issaqsi, kulħadd jgħidlek kif dan il-bniedem b’qalb tad-deheb kien jagħmel dak kollu li jista’ biex jisma’ u jgħin lin-nies. Proprju dak li għamel dan l-istazzjon, saqsa lin-nies. F’Raħal Ġdid, stajna ninnutaw il-bnadar mezz’asta ftit minuti biss wara li tħabbret il-mewt ta’ wieħed minn uliedha.
Fil-qalba ta’ raħal twelidu, tkellimna mal-Pawlisti dwar raġel li huma jafu sew. Kienu bosta minn dawk li saqsejna li ddeskrivew lill-maħbub Silvio bħala ‘ħabib’. Dawn huma wħud mill-kummenti li qalulna:
“Ħabib ħafna kbir tiegħi. Dik li nista’ ngħid, jiddispjaċini.”
“Silvio huwa ħabib tiegħi ħafna.”
“Kien raġel umli.”
“Kellu kollox hux, li jien il-fqir, kien jgħin ħafna nies.”
“Kien bniedem li ħadem ħafna għall-anzjani.”
“Kien imur tajjeb man-nies ħafna ħafna. Minn fejn jista’ jaqdik, jaqdik.”
“Kien jgħin ħafna nies, ħafna anzjani. Jien għandi l-ħanut hawnhekk u tipo, kulħadd affarijiet sbieħ dejjem smajt fuq Silvio jien.”
Evidentament maħsuda bil-mewt tiegħu, dawn il-Pawlisti kienu fost ħafna li sostnew li Malta tagħna tilfet raġel fuq l-irġiel, politiku b’ruħ soċjali u ħabib ta’ veru.