Il-Baġit 2017 kien l-aħħar minn sensiela ta’ konfermi li l-Partit Laburista mill-Gvern, mhux biss huwa Gvern li jisma’, imma fuq kollox li jieħu azzjoni.
Fi stqarrija d-deputat Laburista Silvio Parnis fakkar li fost l-ewwel minn sensiela ta’ deċizjonijiet li se jkunu qed jibbenefikaw minnha n-nies, hemm dik li dawk kollha li jbatu bid-dijabete tat-Tip 1 minn din il-ġimgħa se jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minn erba’ sticks kuljum biex jiċċekkjaw iż-żokkor b’xejn irrispettivament mill-età.
“Din hija ċertament deċizjoni li se tkun qed tagħmel id-differenza f’ħajjet dawk il-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni. Inkoraġġanti huwa wkoll il-fatt li mis-sena d-dieħla din il-miżura se tibqa’ tkun estiża anke għal dawk li għandhom dijabete tat-Tip 2 u qegħdin fuq l-insulina saħaq Silvio Parnis.
Żied jgħid li dan il-Gvern fuq kollox sema u ħa azzjoni, meta nġibdet l-attenzjoni nkluż minni bħala Membru Parlamentari, dwar kemm kienet inġusta d-deċizjoni li ttieħdet minn Gvern Nazzjonalista dwar persuni dijabitiċi u t-tneħħija ta’ servizzi li kienu ntitolati għalihom.
Grazzi għal intervent ta’ dan il-Gvern li jisma’ u li jieħu azzjoni, qal Parnis, pazjenti dijabetiċi bil-kartuna s-safra se jibdew jibbenefikaw minn kura dentali bla ħlas; sussidju fuq in-nuċċalijiet; aċċess għal antibijotiċi b’xejn; kif ukoll kura kontra ż-żokkor, flimkien ma’ benefiċċji li kienu ntitolati għalihom fil-passat.
Dan huma biss ftit mill-mizuri soċjali, li Gvern Laburista introduċa biex jassigura li ħadd ma jaqa’ lura u li l-ġid jasal għand kulħadd, temm jgħid Silvio Parnis.