Fis-sena tal-pandemija, kien hawn disat elef persuna iktar jaħdmu full-time f’pajjiżna.
Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, uriet li żdiedu bl-eluf in-nies jaħdmu full time matul is-sena li għaddiet.
Dan hekk kif meta ma kienx hawn pandemija, kien hawn disat elef persuna inqas jaħdmu full-time.
Fil-fatt, minn ċifri tal-Jobsplus, joħroġ kif mill-elfejn u dsatax sal-elfejn u għoxrin, l-impjiegi full-time żdiedu b’disat elef u sittin, jew b’erbgħa punt wieħed fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, u n-nies jaħdmu full-time fis-sena tal-pandemija, qabżu l-mitejn u tnejn u tletin elf.
Kif mistenni, minħabba l-isfidi tal-pandemija li laqtu lid-dinja kollha, żdied il-qgħad fis-sena elfejn u għoxrin.
Minkejja dan, il-Gvern ħadem u ħareġ bi skemi t’għajnuna għall-familji u n-negozji, u llum Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Dan intlaħaq f’Lulju li għadda u ġie kkonfermat fi stqarrija tal-NSO ix-xahar li għadda.
Intant, mill-istatistika maħruġa tul il-jum tat-Tlieta joħroġ li l-aktar setturi li raw ingaġġ ta’ nies full-time matul is-sena tal-pandemija kienu dawk tas-servizzi u amministrattivi.