Il-Prim Ministru Robert Abela afferma li, filwaqt li Malta tibqa’ żżomm quddiem għajnejha l-obbligi kostituzzjonali tagħha, il-pajjiż kien ċar ħafna fit-twemmin tiegħu li n-newtralità ma tfissirx li wieħed idawwar wiċċu n-naħa l-oħra quddiem il-verità kerha u traġika li qed isseħħ quddiem għajnejna.
F’artiklu ta’ opinjoni li xxandar ftit tal-ħin ilu mis-sit tal-aħbarijiet Lovin Malta, il-Prim Ministru spjega li, fid-dawl ta’ dan, flimkien mal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea u mal-pajjiżi l-oħrajn sħabha madwar id-dinja, tul din is-sena minn mindu r-Russja invadiet lill-Ukrajna, Malta b’mod konsistenti appoġġjat it-taqbida erojka tal-poplu Ukren.
Il-Prim Ministru kiteb li, minbarra li Malta tappoġġja lill-Ukrajna quddiem l-aggressjoni mhux provokata li qed issofri, tappoġġjaha wkoll fl-isforzi tagħha favur paċi ġusta u sostenibbli li tkun mirfuda mill-ordni internazzjonali bbażata fuq id-Dritt. Huwa sostna li din hija kwistjoni ta’ responsabbiltà u, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ kredibbiltà, u huwa għalhekk li jfaħħar kwalunkwe sforz u inizjattiva li jsiru lejn il-kisba ta’ paċi ġusta.
Dr Abela kiteb li, biex dawn l-isforzi jirnexxu, jeħtieġu l-akbar appoġġ possibbli minn madwar id-dinja kollha, inkluż fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa fakkar li Malta qed tappoġġja attivament dawn l-isforzi permezz tas-siġġu li għandha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u, dan ix-xahar, anki bil-Presidenza tal-istess Kunsill.
“Nibqgħu impenjati favur dan l-appoġġ, inkluż billi nissensibilizzaw lill-partijiet kollha interessati fl-Assemblea Ġenerali (tan-NU) sabiex nibqgħu nitfgħu dawl fuq l-impatt ta’ din l-aggressjoni mhux ġustifikata u fuq l-importanza li nindirizzaw il-konsegwenzi kollha tagħha,” stqarr il-Prim Ministru, filwaqt li fakkar li Malta appoġġjat u implimentat bis-sħiħ il-pakketti kollha ta’ sanzjonijiet adottati mill-Unjoni Ewropea kontra r-Russja.
Huwa semma wkoll kif f’Malta ġew immoblizzati t-taqsimiet kollha rilevanti tal-Gvern sabiex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren, biex jiġu megħjunin l-Ukreni li ġew spustati lejn Malta, lejn Stati membri oħrajn tal-UE, jew lejn pajjiżi ġirien tal-Ukrajna, minħabba l-aggressjoni. Malta pprovdiet ukoll assistenza medika lill-Ukreni fl-isptarijiet tagħha filwaqt li bagħtet fornimenti ta’ mediċini lejn l-Ukrajna kif ukoll ġeneraturi tal-elettriku.
Il-Prim Ministru fakkar li, fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, huwa qabel mal-President Ukren Zelensky meta rrefera għal tnejn mill-missirjiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea – Jean Monnet u Robert Shuman – li kellhom l-aspirazzjoni li, mill-irmied li ħallew warajhom żewġ gwerer dinjin, jerġgħu jibnu l-għaqda. Il-legat tagħhom ikkontribwixxa biex, għal aktar minn 70 sena, fl-Ewropa jkollna aktar paċi, rikonċiljazzjoni, demokrazija, u rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
“Dan huwa l-ġejjieni li rridu għall-Ukrajna. Il-poplu Ukren għandu ħabib f’Malta. Se nibqgħu nużaw leħinna biex nikkundannaw l-azzjonjiet tar-Russja u u nappellaw lir-Rssja biex tirrispetta l-ordni internazzjonali bbażata fuq id-Dritt. Moralment, ma nistgħux nagħmlu mod ieħor,” kiteb il-Prim Ministru.
Huwa qal ukoll li Malta se tibqa’ tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Ukrajna li ssir membru tal-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-proċess stabbilit.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal kif Malta kienet fuq quddiem nett ta’ sforzi Ewropej u internazzjonali biex jiġu indirizzati l-effetti laterali tal-aggressjoni Russa. Fl-istess waqt, f’Malta stess, il-Gvern ħa deċiżjonijiet sodi u deċiżivi sabiex il-piż tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija ma jġorruhx in-nies – azzjoni li għenet lill-ekonomija tagħna biex tibqa’ tikber b’ritmu stabbli.
L-istess sentimenti tal-artiklu ppubblikat fil-Lovin Malta l-Prim Ministru esprimihom ukoll f’kummenti li ta lill-ġurnal L-Orizzont tal-lum. “Dak kollu li għamilna u li qed nagħmlu nistgħu nibqgħu nagħmluh għax għandna ekonomija b’saħħitha li tkompli ġġib il-fiduċja lejn pajjiżna. Is-sostenn lin-nies mhux biss fl-enerġija iżda f’oqsma differenti jibqa’ jkun possibbli jekk inkomplu noħolqu l-ġid”, irrimarka l-Prim Ministru ma’ L-Orizzont.
The Ukrainian people have shown incredible strength, defending their homeland and international law. 🇲🇹 will continue to support 🇺🇦’s struggle for lasting peace, including through the provision of humanitarian & medical aid. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 24, 2023