Bħas-soltu, il-Partit Nazzjonalista jagħżel it-triq tal-popoliżmu fuq kollox u f’kull ħin. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, fejn ivvinta li l-Prim Ministru biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar in-newtralità.
Huwa ċar li mal-Oppożizzjoni tal-lum ma tistax tagħmel diskussjoni responsabbli u matura fuq temi Ewropej u dinjin li jolqtu wkoll lil pajjiżna. Iżda mal-poplu Malti u Għawdxi dak id-dibattitu jista’ jsir.
Fil-Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fl-aħħar sigħat fuq id-difiża tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni ta’ Malta kienet ċara ħafna. Li l-valur tan-newtralità għalina kien, għadu u se jibqa’ fundamentali. Dan il-prinċipju huwa għal qalb il-Partit Laburista. Ħadem għalih u se jibqa’ jgħożżu.
Intqal li l-Prim Ministru Abela kien kategoriku li m’hu se jkun hemm ebda tibdil fil-Kostituzzjoni f’dan l-aspett.
Il-Partit Nazzjonalista ma jafx li l-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa, fl-ittra li bagħat lill-Prim Ministri kollha qabel il-Kunsill Ewropew, għamilha ċara li kull diskussjoni trid tittieħed fil-kuntest tal-Kostituzzjoni ta’ ċertu stati membri. U huwa naturali li kien qed jirreferi għal pajjiżna.
Dak ir-rispett lejn il-pożizzjoni unika ta’ pajjiżna se jinżamm f’kull diskussjoni Ewropea dwar dan is-suġġett.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal realtajiet tal-lum il-ġurnata. Kunflitti traġiċi ftit mili ‘l bogħod minn pajjiżna li jaffetwawna u rridu nwieġbu għalihom.
Żgur mhux billi nieħdu naħat fi gwerra kif għamel ħaddieħor ftit tax-xhur biss ilu, iżda billi nassiguraw li l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni tippermettilna li nħarsu lejn is-sigurtà ta’ pajjiżna kif diġà qed nagħmlu u kif irridu nsaħħu skont ir-realtajiet tal-lum.
“Mal-prinċipju tan-newtralità ma jkunx hemm logħob. Huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jogħxa fil-logħob partiġġjan,” temm jgħid il-Partit Laburista.