Lejliet il-bidu tal-proċess tal-konklavi fil-Vatikan, in-New York Times semmiet lill-Kardinal Għawdxi Mario Grech bħala wieħed mill-aktar fiċ-ċans li jkun il-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika Rumana, aktarx sa tmiem din il-ġimgħa.
Is-sit tal-aħbarijiet Amerikan qal li, bħall-Papa Franġisku, li miet fil-21 t’April li għadda, il-Kardinal Malti kapaċi jiddiskuti ma’ kulħadd u mhux biss fi ħdan il-ġerarkija tal-Knisja Kattolika.
Hawnhekk reġa’ ssemma kif l-eks Isqof t’Għawdex hu popolari fost il-kardinali minħabba r-rwol tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Intqal kif hu kien konservattiv, iżda nbidel fi żmien il-Papa Franġisku u llum jidher bħala wieħed li jista’ faċilment iġib kontinwità tal-Papat tal-Papa li kiseb ammirazzjoni kbira madwar id-dinja għall-umiltà u l-imħabba kbira li wera, partikolarment mal-foqra u l-vulnerabbli.
Is-sinodu fit-tmexxija tal-Kardinal Mario Grech beda fl-2021 fejn minn dakinhar kellu diversi diskussjonijiet ma’ knejjes madwar id-dinja, anke biex tali kollaborazzjoni tissaħħaħ fil-ġejjieni.
F’Marzu li għadda, bl-approvazzjoni tal-Papa, il-Kardinal Grech ħabbar li dan il-proċess se jibqa’ għaddej sa mill-inqas l-2028, bil-għan li l-proċess jibqa’ għaddej u jiltaqa’ ma’ diversi persuni differenti.
In-New York Times qalet li jekk il-Kardinal Malti jsir Papa, dan il-proċess ta’ djalogu bla ebda dubju jitkompla.
Bosta fi ħdan il-Knisja qed jaraw dan il-proċess biss bħala l-mod kif il-Knisja tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem.
Sadanittant, il-133 kardinal, li għandhom inqas minn 80 sena u allura huma eliġibbli li jivvotaw, waslu kollha kemm huma għall-konklavi, li se jibda l-Erbgħa.
Dan tħabbar wara li t-Tnejn filgħodu nżammet l-għaxar Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kardinali, fejn iddiskutew il-preparazzjonijiet tal-konklavi u anke ddiskutew il-futur tal-Knisja Kattolika.
Fi stqarrija mill-Kulleġġ tal-Kardinali ntqal li l-kmamar fejn se jorqdu l-Kardinali eletturi f’Casa Santa Marta ġew imqassmin mill-Camerlengo, il-Kardinal Kevin Farrell.
Il-kardinali jistgħu jaslu għall-Kappella Sistina kif jixtiequ, anke bil-mixi, iżda minn rotta protetta fejn ħadd ma jista’ jagħmel xi kuntatt ma’ barra.