Il-Qorti ddikjarat li Michael Seychell uża kliem libelluż u malafamanti fil-konfront ta’ Jason Micallef waqt programm bl-isem ta’ Analiżi dwar l-Aħbar, li xxandar fl-24 ta’ Novembru tal-2011 fuq Net TV.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat li filwaqt li huwa minnu li Micallef kien qal fil-pubbliku li l-Gvern kien se jkun Gvern tal-Laburisti, ma qalx li kien se jkun tal-Laburisti biss, kif allega Seychell u dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista.
Barra minn hekk, il-Qorti qalet ukoll li ma kienx hemm provi li juru li Micallef kien persuna estremista u vendikativa li kien se jkeċċi lin-nies, xi ħaġa li allega Seychell stess. Għaldaqstant, il-Qorti ikkundannat lil Michael Seychell u lil Louiselle Vella, li kienet l-editur ta’ Net TV, biex iħallsu lil Jason Micallef elfejn ewro bejniethom.