In-neputi ta’ Mabel Strickland, li għandu sehem ta’ 13% fl-Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times, sostna li qed jieħu parir legali biex jara kif se jiġu rkuprati mal-ħames miljun u nofs ewro li allegatament ġew frodati minn fuq il-kumpanija tat-Times.
Mas-sit lovinmalta, Robert Hornyold-Strickland saħaq li kulħadd irid jinżamm responsabbli, inkluż id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco, li huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland li hija ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.
In-neputi ta’ Strickland qal li quddiem dan kollu li ġara kieku zitu, Mabel Strickland, li kienet il-fundatriċi tat-Times u l-ewwel editur ta’ din il-gazzetta, qed titqalleb fil-qabar.
Robert Hornyold-Strickland żied jgħid li jekk dawn l-allegazzjonijiet serji jiġu provati, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Allied Newspapers għandhom jirriżenjaw u anki l-membri tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, li kienu huma li ħatru lil Adrian Hillman bħala Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers tat-Times.
Rapporti qed jgħidu li Hillman jista’ jkun jiġi estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex jaffaċċja akkużi kriminali dwar allegazzjonijiet fuq frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn li jmorru lura anki għal tlettax-il sena ilu.
Fil-fatt saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment Adrian Hillman u Keith Schembri.
Fil-Qorti, apparti Keith Schembri hemm ukoll akkużat Vincent Buhagiar, dak li kien Direttur Maniġerjali tal-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times, qabel Hillman.
Rapporti saħqu wkoll li l-inkjesta Maġisterjali li investigat u wasslet għall-prosekuzzjoni ta’ diversi persuni, talbet ukoll biex Michel Rizzo jiġi investigat.
Rizzo huwa d-Direttur Maniġerjali preżenti ta’ Allied Newspapers.
Intant in-neputi ta’ Mabel Strickland qal li jinsab diżgustat u rrabjat kif il-ħaddiema tal-Allied Newspapers ġew traduti.
Huwa aċċenna li nies bħal Mario De Marco jridu jinżammu responsabbli u fisser kif De Marco għandu kontroll enormi fil-kumpanija tat-Times.
Sadanittant De Marco wieġeb lura lil Strickland u qallu li dan kien attentat fjakk min-naħa tiegħu.
Lil De Marco qed jiddefendih il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li f’kummenti lil midja baqa’ jisħaq li huwa komdu b’Mario De Marco fil-grupp parlamentari tiegħu.