Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija tal-kiri tal-karozzi, John’s Garage, qal li kien avviċinat minn xi ħadd qrib Austin Gatt fl-2013 u kien mitlub jiddistanzja ruħu minn dokumenti ppublikati fil-MaltaToday.
Dawn id-dokumenti żvelaw kif in-negozjant taż-żejt George Farrugia, direttur ta’ John’s Group dak iż-żmien, ħeba madwar €6.8 miljun fi profitti minn familtu fin-negozju..
In-neputi tan-negozjant George Farrugia huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ John’s Group u jismu Christopher Farrugia. Preżenta affidavit fil-Qorti dalgħodu fejn spjega li fl-2010 innota li zijuh ibbenefika minn numru sostanzjali ta’ tenders. Wara aktar investigazzioni ħareġ li George Farrugia kien qed jitrasferixxi flus f’kontijiet offshore li jappartjenu lill-kumpniji oħra tiegħu. Dak iż-żmien, qal Christopher Farrugia, ma kienx konxju ta’ dan kollu.
Qal li George Farrugia kellu rabtiet mill-qrib u b’saħħithom mal-Ministu Austin Gatt u li mhux biss kien jiftaħar li jafu, imma li kien għen lill-Ministru billi provdielu BMWs għall-kampanja elettorali tal-2008.
Barra minn hekk, tah ammont sostanzjali ta’ donazzjonijiet fi flus. Żied jgħid li Austin Gatt u George Farrugia spiss iltaqgħu bejn il-ħbieb f’restaurants. Dan fi żmien meta Austin Gatt kien responsabbli mill-Enemalta.
Christopher Farrugia qal li George Farrugia kien juża lil sħabu biex jasal fejn irid jasal. Kien juża l-ħbiberiji biex jikseb informazzjoni dwar x’ser jiġri fis-suq taż-żejt. B’dan il-mod, kien ikollu vantaġġ.
Fl-affidavit Christopher Farrugia qal li filwaqt li George Farrugia kien qiegħed iħaxxen il-but, il-kumpaniji tal-familja kienu qed isofru.
George Farrugia kien mitlub jirriżenja minn John’s Group ftit wara, u qabel telaq, ikkonfrontawh ħutu li qalulu li jekk għemilu jsir pubbliku, jisfaxxa l-Gvern (dak iż-żmien Nazzjonalista).
Qal li minn informazzjoni li rnexxilu jikseb mis-sistema ta’ emails, skopra li George Farrugia ifforma kumpanija fiduċjarja bl-isem Aikon Ltd. Din kienet inwaqqfa sabiex fiha jidħlu kummissjonijiet fuq tenders taż-żejt.
Il-Prim Ministru dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, kien qabbad lil min jinvestiga, iżda l-investigazzjoni saret biss fuq id-direstturi ta’ John’s Group, mhux fuq George Farrugia.
Meta file mimli dokumenti spiċċa għand il-MaltaToday, il-pressjoni fuq Christopher Farrugia bdiet teskala, u qalulu li l-pressjoni fuq Austin Gatt kienet qed tinħass ġmielha, għalhekk kellu jiddisassoċja ruħu minnha.
Huwa irrifjuta u filwaqt li fakkarhom li tal-familji huma Nazzjonalisti kbar, meta talbu l-għajnuna mill-PN, dawn ippreferew jaqbżu għal George Farrugia.