Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-azjendi fl-industrija tas-servizzi raw il-bejgħ jitjieb b’20% fuq sena qabel.
Din hija l-ewwel darba mindu bdiet il-pandemija li l-attività għas-settur tas-servizzi uriet titjib meta mqabbla ma’ sena qabel.
L-aktar settur li żied il-bejgħ kien dak tal-akkommodazzjoni u ristoranti b’titjib ta’ 88%, segwit mis-settur tal-bejgħ tal-propjetà, fejn kien hemm żieda ta’ 73% fuq it-tieni kwart tas-sena l-oħra.
Fil-fatt kien biss fis-settur tas-servizzi amministrattivi fejn it-titjib fuq sena ilu kien taħt l-10%.
Fis-settur tal-bejgħ mill-ħwienet kien hemm żieda ta’ 15% filwaqt li fil-qasam tas-servizzi professjonali kien hemm titjib ta’ 19%.
Barra minn hekk is-settur tal-informazzjoni u komunikazzjoni, li baqa’ jikber tul il-pandemija, anke bejn April u Ġunju reġa’ kiber b’24%.
It-titjib fil-bejgħ wassal biex jiżdied id-dħul tal-ħaddiema f’dawn l-oqsma, tant li l-pagi li tħallsu kienu 7.3% ogħla mit-tieni kwart tas-sena l-oħra.
F’numru tas-setturi d-dħul żdied anke bejn 10% u 15%.
Dan kien jirrifletti minbarra żieda fir-rata tal-paga, żieda fl-ammont ta’ sigħat ta’ xogħol.
Fil-fatt fil-qasam tal-lukandi u ristoranti kien hemm żieda ta’ 21% fl-ammont ta’ sigħat ta’ xogħol mogħtija.
Jidher li fil-qasam tas-servizzi l-azjendi mexjin sewwa fit-triq tal-irkupru.
Fil-fatt f’ħafna setturi, anke qabel fetaħ l-istaġun turistiku, il-livell ta’ attività mexa lura lejn dak ta’ qabel il-pandemija.
Dan kien dovut għal domanda domestika qawwija, frott miżuri fiskali li ħa l-Gvern.