Ixtri u ġib lil min jixtri.
Għada Black Friday u ċertament se jkunu bosta li se jixtru dak li jixtiequ jakkwistaw anki b’xi offerta tajba.
Black Friday ta’ din is-sena mhux mistennija tkun b’inqas hekk kif il-ħwienet mistennija joffru diversi skontijiet u n-negozju għandu jkun fl-aqwa tiegħu.
Il-ġurnata ta’ Black Friday oriġinat fl-Istati Uniti, l-għada tal-jum imsejjjaħ bħala ‘Thanks Giving’, ġurnata fejn in-nies jmorru jixtru biex jħossuhom tajjeb u anki jagħtu rigal lilhom nfushom.
Kif mistenni l-GRTU qed tistenna li l-jum tal-Ġimgħa jkun jum impenjattiv ieħor għan-negozji fejn il-konsumaturi jieħdu li jistgħu mill-offerti li min jaf kemm se narawhom b’ittri kbar fil-vetrini tal-ħwienet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, Abigail Mamo spjegat ma’ ONE News li “Qed nistennew dak li kellna s-sena li għaddiet li tkun ġurnata ta’ bejgħ, ta’ ġurnata rekord, li ovvjament kemm jista’ jkun jagħmel użu minn din il-ġurnata tant prezjuza li għaliha l-businesses ikunu qed jagħmlu offerti veru vantaġjuzi. Avolja s-sena l-oħra kellna bejgħ tajjeb ħafna, black friday kienet il-ġurnata rekord, allura qegħdin nistennew li din is-sena terġa’ tirrepeti ruħha l-istess fenomenu li tkun l-aħjar ġurnata ta’ bejgħ għall-membri tagħna.”
Intqal ukoll kif għal din il-ġurnata kien hemm bosta preparamenti biex kollox jimxi ħarir.
Dan wara taħdidiet ma’ Transport Malta u l-Għaqda tal-Kunsilli Lokali sabiex il-konsumaturi jkollhom l-aħjar esperjenza għax-xiri tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-GRTU spjegat ukoll li ħareġ ktejjeb sabiex il-konsumatur ikollu gwida ta’ x’jista’ jakkwista.
Mamo sostniet: “Ippubblikajna ktejjeb bl-offerti li hemm sabiex il-konsumatur ikun jaf kif jista’ jippjana, jgħid dawn huma l-bżonnijiet tiegħi u dawn huma l-offerti li hemm għax black friday hija ġurnata waħda fl-aħħar mill-aħħar u wieħed irid jippjana bl-aktar mod effiċjenti kif ħa jqassam din il-ġurnata għax ma tistax tmur kullimkien.”
Wieħed jista’ jaċċessa dan il-ktieb billi jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-GRTU.