L-akbar sfida li qed jiffaċċjaw in-negozji żgħar u medji Maltin hi dik tan-nuqqas ta’ ħaddiema. Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet il-Kamra tan-Negozji u Żgħar u Medji għat-tieni kwart tal-2024.
Filwaqt li l-maġġoranza tat-372 negozju li wieġbu, jiġifieri 45%, jaraw in-nuqqas ta’ ħaddiema bħala l-akbar sfida li qed jiffaċċjaw, 22% ukoll iqisu ż-żieda fl-inflazzjoni bħala sfida.
Minn dawn in-negozji, 51% iħaddmu bejn wieħed u disa’ impjegati, waqt li 30% oħrajn iħaddmu bejn għaxra u disgħa u erbgħin impjegat. Sittax fil-mija jħaddmu aktar minn ħamsin impjegat u 3% iżjed minn 249 impjegat.
45% tan-negozji jaħdmu fid-distribuzzjoni, l-importazzjoni u l-bejgħ bil-ingrossa u bl-imnut, bi 15% fil-qasam tas-servizzi turistiċi u 14% fil-qasam tat-trasport.
Sadanittant stqarrija mill-NSO ħabbret li, fl-2022, tali negozji f’pajjiżna rreġistraw żieda ta’ 11.6% fil-qligħ operattiv gross meta mqabbel ma’ sena qabel, waqt li kellhom żieda fi spejjeż tal-benefiċċji tal-impjegati ta’ 15.5%.