In-negozji f’pajjiżna b’aktar minn għaxar impjegati, li jagħmlu użu mill-Intelliġenza Artifiċjali, telgħu għal 13.2% is-sena li għaddiet, li jfisser li qed iħabbtuha sew ma’ dawk fl-aktar stati avvanzati fl-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
Ir-rata wkoll rat titjib qawwi fl-aħħar snin, grazzi għall-investimenti diretti barranin u inċentivi offruti mill-Gvern Malti, permezz tal-Malta Enterprise, fost l-oħrajn. Fil-fatt fl-aħħar sentejn biss ġiet irreġistrata żieda ta’ tlieta fil-mija fin-negozji f’pajjiżna li qed jużaw l-AI fl-operat tagħhom.
Il-livell nazzjonali tas-sena li għaddiet ipoġġi lil Malta fis-sitt l-aħjar pożizzjoni mis-sebgħa u għoxrin stat fl-Unjoni Ewropea u b’rata li hi iżjed minn ħamsa fil-mija fuq il-medja Ewropea ta’ tmienja fil-mija.
L-istatistika ppubblikata mill-Eurostat riċentament tirreferi għal sistemi li n-negozji jużaw biex jilħqu miri partikolari fil-produzzjoni tagħhom bl-użu ta’ teknoloġiji, bħal text mining, computer vision, speech recognition, natural language generation u machine learning, fost l-oħrajn.
L-aktar pajjiżi b’negozji li jużaw l-AI kienu d-Danimarka b’aktar minn ħmistax fil-mija, segwita mill-Finlandja u l-Lussemburgu, bil-Belġju u l-Olanda jkunu ż-żewġ pajjiżi biss oħrajn qabel Malta.
L-inqas pajjiżi li rreġistraw l-użu tal-AI fin-negozji tagħhom kienu r-Rumanija b’wieħed punt ħamsa, waqt li l-Bulgarija, il-Polonja u l-Ungerija b’inqas minn erbgħa fil-mija.