In-negozji f’Malta żdiedu b’8.6% fl-2021 meta mqabbel mal-2020. Dan minkejja li kienet sena diffiċli ta’ pandemija globali u gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa.
Dan ħareġ minn ċifiri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif juru li fl-2021 kien hemm żieda ta’ 4,430 negozju attiv meta mqabbel ma’ sena qabel. B’hekk in-numru ta’ negozji attivi tela’ għal 55,950.
L-ikbar żieda ta’ negozji ġiet irreġistrata fis-settur tat-trasport u l-ħażna, segwit minn negozji li joffru servizzi professjonali, xjentifiċi u tekniċi.
Is-settur tal-kummerċ tal-bejgħ bl-ingrossa u l-imnut flimkien ma’ dak tat-tiswija tal-vetturi u l-muturi, jinkludi fih l-akbar porzjon ta’ negozji, bi 18.1%. Dan filwaqt li negozji professjonali, xjentifiċi u tekniċi jammontaw għal 13.4% tan-negozji kollha f’pajjiżna. Negozji marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni jammontaw għal 9.7%.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll kif negozji meqjusa micro, jiġifieri li jimpjegaw bejn 0 u 9 ħaddiema żdiedu b’9%. Dan filwaqt li negozji żgħar li jimpjegaw bejn 10 u 49 impjegat żdiedu bi 2.8%.
B’kollox fl-2021 kien hemm 18,227 persuna li tħaddem. B’hekk din timmarka żieda ta’ 8.5% fuq is-sena ta’ qabel.
Dawn ir-riżultati pożittivi waslu fi żmien li magħtulu l-Gvern kien ta’ spalla kbira għan-negozji, permezz tal-Covid Wage Supplement li salva għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi. Kien hemm ukoll min waqt Covid kellu l-opportunità li jiftaħ in-negozju li dejjem xtaq jibda, b’inċentivi varji li għenu favur dan il-għan. Eżempju ta’ dan huwa l-għajnuna li ingħatat lil start-ups, jiġifieri negozji li għadhom jibdew. Sadanittant, inċentiv bħal micro-invest baqa jinkoraġġixxi lin-negozji ż-żgħar, li jagħmlu l-maġġor parti tan-negozji f’pajjiżna.
Dan apparti l-għajnuna lin-negozji tal-familja, anke biex jgħaddu in-negozji għal ġenerazzjoni li jmiss. Ingħatat ħafna għajnuna wkoll biex kumpaniji kbar jkomplu jinvestu f’fabbriki aktar avvanzati u ekoloġikament sostenibbli.