Malta rnexxielha tinnegozja ftehim aktar b’saħħtu waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea li tlaqqa’ l-Tlieta fil-Lussemburgu biex jiddiskuti elementi leġiżlattivi tal-pakkett ‘Fit-for-55’.
Il-‘Fit-for-55’ huwa pakkett leġiżlattiv li jistabbilixxi l-miri tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa mill-inqas 55% sal-2030.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ftit siegħat wara li ntemmet il-laqgħa tal-ministri Ewropej li damet madwar 17-il siegħa sas siegħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu, intqal kif Malta ddefendiet bis-sħiħ il-pożizzjoni tagħha biex tikseb ftehim aħjar minn dak li kien qed jiġi oriġinarjament propost.
F’kumment ma’ ONE News mal-wasla tagħha lura f’pajjiżna, il-Ministru responsabbli mis-settur tat-tibdil fil-Klima, Miriam Dalli tenniet li Malta rnexxiela tinnegozja pakkett finanzjarju b’saħħtu li se jgħin lil pajjiżna jimxi aktar lejn ekonomija li ma tħammiġx u b’hekk jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ pajjiżna.
Dan biex b’hekk f’Malta jibqgħu jiġu ssalvagwardjati setturi importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna bħas-settur marittimu, tal-avjazzjoni u tat-trasport.
Fil-fatt, il-Ministru Dalli sostniet kif b’riżultat ta’ dawn in-negozjati Malta ġabet aktar fondi minn żieda fl-allokazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni marittima. Barra minn hekk, fuq l-insistenza ta’ Malta, dawn il-fondi mhux biss se jgħinu d-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu iżda jistgħu jintużaw għat-trasport fuq l-art, inkluż it-trasport pubbliku.
Dalli qalet, “Fejn jidħol l-avjazzjoni li nkunu qed nġibu regola apposta għal gżejjer bħal tagħna ħalli d-differenza fil-prezz bejn il-fjuwil li jintuża bħalissa u dak li jissejjaħ sustainable aviation fuel ikun kopert ukoll finanzjarjament.”
Filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli esprimiet sodisfazzjon għar-riżultati miksuba, saħqet li Malta se tkompli timbotta l-pożizzjoni tagħha waqt in-negozjati li jmiss biex jintlaħaq qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew.
Stqarret, “Hemmhekk rajna li ninnegozzjaw biex inġibu aktar dħul lejn pajjiżna biex inkunu nistgħu ninvestu f’aktar teknoloġija tgħina nnaqqsu t-tniġġis sew fil-qasam marittimu u sew anke fil-qasam tat-trasport fit-toroq tagħna.”
Dwar dan l-aħħar settur, Malta approvat ukoll ir-reviżjoni proposta tal-leġiżlazzjoni dwar l-istandards tal-emissjonijiet tad-dijossdiju tal-karbonju mill-karozzi u mill-vannijiet, minkejja li d-data tat-twaqqif għall-importazzjoni ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel qed tiġi proposta għall-2035. Hawn, il-Ministru Dalli spjegat li data aktar ambizzjuża kienet tgħin aktar l-infiltrazzjoni ta’ vetturi li ma jħammġux fis-suq Malti.