L-iżvilupp li jmiss fil-proċess ta’ negozjati li se jkunu qed jistabbilixxu r-relazzjoni ta’ bejn ir-Renju Unti u l-Unjoni Ewropea se jsir f’pajjiżna.
Dan hekk kif nhar il-Ġimgħa, għall-ewwel darba l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed iħabbar l-abbozz ta’ linji gwida dwar in-negozjar tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit wara Brexit, f’pajjiżna.
Biex b’hekk jibdew is-sentejn ta’ negozjati li se jkunu qed iwasslu għat-tmiem tal-avveniment storiku BREXIT u jaraw bidu ġdid ta’ Unjoni Ewropea b’27 membru u relazzjoni differenti minn dik tal-aħħar 40 sena bejn ir-Renju Unit u l-pajjiżi membri tal-UE.
Dawn il-linja gwida jridu jiġu mbagħad approvati mill-mexxejja Ewropej li kif ħabbar Tusk se jkun qed isir fid-29 ta’ April. Fl-ittra li preżentat illum il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May li skattat BREXIT provdiet elenku ta’ numru ta’ kwistjonijiet li qed tfittex qbil dwarhom.