In-negattività tal-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa spikkat ukoll fost kull kritika li saret lill-maltabiennale.art, partikolarment meta siti internazzjonali rinomati fl-aħħar żminijiet kellhom kliem ta’ tifħir għal dan l-avveniment prestiġjuż internazzjonali, li qed jiġi organizzat għall-ewwel darba f’pajjiżna.
Waqt li l-Euronews, Forbes, il-Guardian u oħrajn, partikolarment il-UNESCO, li tat il-patronaġġ tagħha lill-avveniment, poġġew lil Malta fuq il-kalendarju kulturali dinji, il-Partit Nazzjonalista daħħal sensiela ta’ mistoqsijiet Parlamentari biex ipoġġi fid-dubju l-organizzazzjoni ta’ dan il-festival, li attira diġà numru ta’ turisti apposta għalih.
Iżjed minn hekk, hu, flimkien ma’ opinjonisti u midja, li s-soltu jappoġġjawh, rikbu fuq artiklu singulari barrani minn sit li jattakka kull edizzjoni tal-Biennale. Fil-każ tal-maltabiennale.art maqdar il-fatt li dan ma jittrattax il-kwistjoni tal-abort u ma jsemmix lil Daphne Caurana Galizia.
B’hekk il-forzi tal-lemin qabdu miegħu u ħarġu jħarrfu li kien hemm nuqqas ta’ trasparenza, spejjeż żejda għal min irid iżur il-biennale f’pajjiżna jew li mhux qed jiġu organizzati żjarat mit-tfal tal-iskejjel.
Dan, iżda, hu ’l bogħod mill-verità u ntiż biss biex, bħas-soltu, jipprova joħloq xi dell ikrah fuq pajjiżna, f’mument li jinsab f’għajnejn id-dinja kulturali.
Anke l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħareġ jikkundanna l-attakk insensat li sar fi stqarrija mgħaġġla mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Julie Zahra, sempliċiment biex tiġi espressa n-negattività tas-soltu.
Il-maltabiennale.art, li qed jiġi organizzat minn Heritage Malta, permezz tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA, bi sħubija mal-Kunsill Malti tal-Arti, qed jesponi għadd ta’ padiljuni b’xogħlijiet ta’ artisti magħrufa mifruxin f’diversi siti u postijiet storiċi madwar il-pajjiż – mill-Belt Valletta u l-Kottonera għal Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi, sal-Ġgantija f’Għawdex.