L-2025 kompliet fejn ħalliet dik ta’ qabilha fejn jidħlu r-riżultati turistiċi f’pajjiżna. Dan hekk kif Jannar li għadda rreġistra rekords ġodda anke fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra, li fiha nnifisha kienet l-aħjar waħda s’issa.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, xahrejn ilu l-għadd sħiħ tat-turisti li daħlu Malta kien stmat li jilħaq iżjed minn 194,000 jew żieda taʼ 12.6 fil-mija fuq l-2024.
Żieda sinifikanti ġiet irreġistrata fl-infiq medju ta’ kull turist li żaruna, indikazzjoni mill-ġdid tat-titjib fil-kwalità ta’ dawk li qed jiġu attirati lejn il-gżejjer Maltin.
In-nefqa sħiħa matul Jannar li għadda kważi laħqet il-€142.6 miljun, żieda taʼ €32 miljun jew 29.4 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. Dan fisser li l-infiq medju kull lejl kien stmat għal iżjed minn €126.3 kull barrani.
Residenti mill-Polonja, ir-Renju Unit u l-Italja ammontaw għal 46.4 fil-mija tat-turisti kollha li waslu fl-ewwel xahar tas-sena.
L-għadd sħiħ tal-iljieli li qattgħu fostna telaʼ bi 11.4 fil-mija biex inqabżu l-1.1 miljun lejl, li mal-85 fil-mija kienu fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni kollettiva.
Minn dawn, iżjed minn 91,000 turist żaru Għawdex fejn qattgħu mill-inqas ġurnata jew raqdu hemm.
Dwar dan tlabna r-reazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, Carlo Micallef.
“Jannar tajjeb ħafna anke meta tqabblu ma’ Jannar tas-sena l-oħra li kien rekord assolut. Is-sena li għaddiet kellna żieda ta’ 30% fit-turisti meta tqabbel ma’ Jannar 2024 u 2023, din id-darba kellna l-istess ammont ta’ żieda fit-turisti, imma l-importanti hu li t-turisti li ġew f’pajjiżna nefqu iżjed biex jiġu f’pajjiżna. Fil-fatt, kien hemm żieda ta’ madwar 30% fin-nefqa totali turistika f’pajjiżna … ras għal ras kull lejl nefqu madwar €126 ewro.”
Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv, MTA
Hu żied jallaċċa dan mal-istrateġija ta’ pajjiżna, dik li jattira aktar turiżmu ta’ kwalità.
“Din hi l-istrateġija tagħna, li nattiraw turiżmu ta’ kwalità, turist li lest jonfoq iżjed għal esperjenza li joffri pajjiżna u li nattiraw turiżmu tul is-sena kollha. Qegħdin naħdmu biex inżidu t-turiżmu fix-xhur tax-xitwa, meta l-pajjiż ikun jiflaħ iżjed u nimmaniġġjaw u nnaqqsu ż-żieda tat-turiżmu fis-sajf. Dan biex ikollna turiżmu s-sena kollha, industrija profittabbli li toffri karrieri mhux jobs biss.”
Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv, MTA