Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, ġew kważi 700,000 turist, b’żieda sinifikanti fl-infieq tagħhom. Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li, f’dan il-perjodu, kien hemm żieda ta’ aktar minn mija u għaxart elef turist, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-infiq ta’ dawk li żaru pajjiżna fl-istess tliet xhur kien ta’ aktar minn nofs biljun ewro, li fisser żieda ta’ mitt miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-aktar turisti kienu ġejjin mis-suq Brittaniku, segwiti minn dawk Pollakki u t-Taljani. Magħhom jingħaqdu wkoll dawk mill-Ġermanja u Franza.
Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li t-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal aktar minn tliet mija u tletin elf persuna, li jfissru tmienja u erbgħin fil-mija tat-turisti kollha li ġew bejn Jannar u Marzu.