Ir-riżultat rekord tal-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena huwa ċertifikat ħaj li t-turiżmu f’pajjiżna jinsab fid-direzzjoni t-tajba: l-aqwa għaliex ir-riżultati f’termini ta’ wasliet, ta’ ljieli mqattgħin, u anke nefqa turistika, issuperaw l-istess perjodu tal-aħħar sena rekord tal-2019.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministri Clayton Bartolo u Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Partit Laburista u li fiha spjegaw kif, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, waslu f’pajjiżna 443,191 turist. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 4.1% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019.
Il-Ministru Clayton Bartolo sostna li “l-akbar suq f’dawn it-tliet xhur baqa’ s-suq Brittaniku, fejn kellna 81,804 Brittaniku li żar il-gżejjer Maltin. Dan kollu jikkonferma li l-ħidma fil-qasam tat-turiżmu miexja fid-direzzjoni t-tajba. Qed naraw li jkollna sena tajba ħafna f’din l-industrija, mhux biss f’termini ta’ numri iżda anke f’opportunitajiet ta’ xogħol.”
Il-Ministru Owen Bonnici kkonferma li prodott turistiku b’saħħtu qed jissarraf f’settur kulturali b’saħħtu. “L-average spend ta’ kull viżitatur fil-mużewijiet żdiedet b’xejn inqas minn 14%. Dan ifisser li b’din ir-rata se nilħqu n-numri tal-aħjar sena tat-turiżmu (tal-2019), b’turist li lest jonfoq aktar.”
Il-kelliema qalu li huwa b’dan il-mod li nkomplu noħolqu prosperità ġdida għal soċjetà aktar b’saħħitha.