Statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, poġġiet lil Malta fil-quċċata tal-lista tal-pajjiżi Ewropej, li fis-sena tal-pandemija, żiedu n-nefqa soċjali.
Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-pandemija, jirriżulta li Malta żiedet in-nefqa soċjali bi tmienja u għoxrin fil-mija. Din kienet l-akbar żieda fis-settur fost l-istati membri kollha.
Wara Malta kien hemm l-Irlanda b’wieħed u għoxrin fil-mija u Ċipru bi tmintax fil-mija.
L-inqas pajjiż li żied in-nefqa soċjali fis-sena tal-pandemija kien l-Iżvezja.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li din l-istatistika tixhed id-deċiżjoni strateġika li ħa l-Gvern, li ma marx għall-awsterità imma investa fin-nies.
Huwa qal, “Dak huwa, jekk qatt kien hemm bżonn, xhieda konkreta tat-twemmin soċjalista, valuri li ngħinu dawk li huma fil-bżonn, li ninvestu fin-nies tagħna, huwa ċertifikat ta’ ħidma li m’għamilnihiex biss fis-sena tal-pandemija, għamilniha tul kemm ilna fl-amministrazzjoni ta’ dal-pajjiż. Fi żmien il-pandemija, għamilna iktar.”
Lil hinn mill-għajnuniet bla preċedent li ngħataw mill-Gvern Malti fil-pandemija li salvaw l-impjiegi, bħall-COVID Wage Supplement, il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali kellu erba’ skemi umani oħra.
Il-benefiċċji f’dawn l-iskemi ssarrfu fi tmien mitt ewro fix-xahar lil kull min kien eliġibbli għalihom; ftit aktar mill-paga minima.
Aktar minn tnax-il elf persuna ħadu bejniethom aktar minn ħmistax-il miljun ewro f’dawn l-iskemi.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Kellna dawk il-persuni li għandhom diżabilità li allura ġew meqjusa bħala vulnerabbli, kellna wkoll numru ta’ persuni li l-awtoritajiet tas-saħħa minħabba xi kundizzjoni li kellhom ukoll ġew meqjusa li huma vulnerabbli, kellna l-persuni li spiċċaw qiegħda minħabba l-COVID u dik kienet it-tielet kategorija, u r-raba’ kategorija li kien hemm l-ikbar domanda għaliha kienet ta’ dawk il-persuni li ġew kostretti joqogħdu d-dar biex jieħdu ħsieb lil uliedhom minħabba li l-iskejjel kienu magħluqin.”
In-nefqa fis-settur soċjali minħabba l-pandemija żdiedet b’biljun u nofs ewro. Dan seta’ jsir għaliex Gvern Laburista ħadem b’għaqal tul is-snin.
Il-Ministru Falzon sostna: “Il-pakkett Malti kien l-iktar wieħed effettivament ġeneruż mhux fl-Ewropa biss, fid-dinja. Dan mhux qed ngħiduh aħna, mhux qed ngħidu jien, mhux qed jgħidu l-Gvern Laburista, qaluh il-John Hopkins University ta’ Washington fl-Amerka. Il-pakkett kien l-iktar wieħed ġeneruż, anki per eżempju nħarsu lejn pajjiżi oħra Ewropej, iktar b’saħħithom minna suppost, bħal Franza, hemmhekk kull ma ngħata forma ta’ loan, hawnhekk forma ta’ grants.”
F’kuntest ta’ rata ta’ qgħad li baqgħet tonqos f’pandemija, il-Ministru Falzon spjega l-viżjoni għas-settur soċjali.
Huwa temm jgħid: “Nibqgħu ninvestu fin-nies u nibqgħu fidili mal-valuri tagħna, li l-aktar li għandhom bżonn, l-iktar li ngħinu, u l-kumplament, nawguraw kull suċċess lil kulħadd. Aktar ma jkollna nies b’suċċess, aktar ikollna soċjetà aħjar.”