Bħalissa il-gvern permess tal-Ministeru tal-Politika Soċjali għaddej b’ħidma biex jiġu indirizzati anomaliji fil-pensjonijiet ta’ pensjonanti li twieldu qabel l-1962 biex dawn gradwalment jirċievu dak li huwa tagħhom. Anomaliji li kien ħoloq il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern, li issa se jkunu ndirizzati.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, ma’ ONE News, l-għada li ħarġu ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wrew kif fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-investiment tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali kien ta’ aktar minn sitt mija u tmenin miljun ewro, b’żieda ta’ aktar minn tnejn u ħamsin miljun ewro meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena l-oħra.
Il-Gvern fil-fatt, kompla jżid dan l-investiment, fi żmien ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent, bil-gwerra fl-Ukrajna, li saħansitra ġabet inflazzjoni u kriżi fl-enerġija.
Barra minn hekk, kien hemm żidiet ta’ kważi ħamsa u tletin miljun ewro fuq il-Benefiċċji Kontributorji u anki f’dawk li huma Benefiċċji Mhux Kontributorji ta’ kważi tmintax-il miljun.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-benefiċċju tal-pensjonijiet żdied bi kważi għoxrin miljun ewro, hekk kif din is-sena, l-investiment fil-pensjonijiet, kien jgħodd għal kważi tliet mija u tmenin miljun.
Il-Gvern kompla jinvesti wkoll fiċ-Children’s Allowance bi kważi tliet miljuni oħra, b’aktar minn erbgħa u għoxrin miljun ewro.
Kważi seba’ miljuni ewro kienu investiti fil-benefiċċju tal-In-Work Benefit, li issa beda jingħata awtomatikament lil dawk eleġibbli.
Kważi tliet miljuni ewro oħra ingħataw bħala għajnuna addizzjonali għal persuni vulnerabbli barra dak tal-kumpens tal-għoli tal-ħajja.
Il-Ministru għal-Politika Soċjali Michael Falzon stqarr ma’ One News li n-nefqa tal-gvern se tibqa tmur għand dawk l-iktar vulnerabbli.
Qal, “L-istatistika li ħarġet ilbieraħ tipprova bl-aktar mod ċar li dan huwa gvern li għandu l-qasam soċjali għall-qalbu. Rajna żidiet wara xulxin, inċentivajna n-nies fid-dinja tax-xogħol. L-għan tagħna huwa li nilħqu lil dawk li huma vulnerabbli fuq kollox anki lil penzjonanti li ħa jieħdu effettivament it-tmien zieda wara xulxin. Inħarsu ‘l quddiem li nagħmlu xogħol aħjar u nagħmlu xogħol differenti wkoll.”