F’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema “Maltin b’Saħħitna ’l Quddiem”, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ta dettalji dwar l-iskemi li ġew introdotti fl-aħħar xhur tal-imxija biex jissalvagwardjaw l-impjiegi u n-negozji f’pajjiżna.
Minn Marzu sa Settembru, il-Gvern nefaq aktar minn mitejn u tlieta u tletin miljun ewro fi ħlas ta’ pagi fl-iskema tal-COVID Wage Supplement biex jissalvagwardja l-impjiegi u jgħin lin-negozji. Aktar minn tnejn u tmenin elf ħaddiem u sittax-il elf negozju bbenefikaw minn din l-iskema.
Għall-iskema tat-Telework kien hemm sitt mija u tnejn u sittin applikazzjoni, u għall-iskema tal-leave tal-kwarantina saru elfejn sitt mija u erbgħa u sittin applikazzjoni.
Fl-aħħar xhur kien hemm ukoll l-iskemi ta’ rifużjoni tal-kontijiet tad-dawl u tal-kirjiet.
Għall-iskema ta’ rifużjoni ta’ ħamsin fil-mija fil-kontijiet tad-dawl, b’budget ta’ ħamsa u tletin miljun ewro, saru aktar minn sitt elef applikazzjoni, u qabżu s-sebat elef kont.
Min-naħa l-oħra, għall-iskema ta’ rifużjoni tal-kirjiet, b’budget ta’ ħamsa u erbgħin miljun ewro, saru aktar minn erbat elef applikazzjoni, u laħħqu l-kważi ħames elef kuntratt.
Ma’ dawn, hemm ukoll l-iskema tal-eżenzjoni tal-VAT, jiġifieri dawk li jaqilgħu sa tletin elf ewro fis-sena, issa m’għandhomx għalfejn jiġbru VAT iżda jistgħu joperaw b’eżenzjoni mill-VAT.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-miżuri kollha mħabbra fil-budget huma sostenibbli.
Spjega li, “Inħarsu lejn is-sena d-dieħla, ħa tkun sena li rridu ninvestu iktar sabiex ikun hemm iktar investiment min-negozji tagħna. Iktar investiment ifisser iktar ġid u allura iktar tkabbir ekonomiku li l-Gvern jista’ jkompli jwieżen lill-familji. Aħna ma qtajniex qalbna bħala Gvern, aħna ppreżentajna l-ikbar budget fl-istorja ta’ pajjiżna, mingħajr taxxi f’nofs l-ikbar kriżi internazzjonali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li fiż-żmien li ġej se titnieda skema mmirata lejn kumpaniji li jħaddmu inqas minn ħamsin persuna biex jidħlu għal proġetti ta’ innovazzjoni.
Dan filwaqt li se jkompli t-tisħiħ fuq skemi eżistenti biex ikomplu jiġu mgħejjuna setturi eżistenti u jiġu attirati oħrajn ġodda.