Fis-sena 2022 in-nefqa soċjali tal-Gvern se titla’ għal rekord ta’ €1.8 biljun.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt id-diskors tiegħu b’rabta mal-estimi tal-Budget għall-2022 fil-Parlament.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Falzon ta’ rendikont tan-nefqa tal-Gvern għas-sena d-dieħla bil-miżuri u l-benefiċċji mġedda jew imħabbra.
F’dawk li għandhom x’jaqsmu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kontributorji u mhumiex u anke l-pensjonijiet tas-servizz in-nefqa se tkun qed titla’ għal biljun tliet mija u sebgħa u għoxrin miljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn €347 miljun fuq in-nefqa li kien hemm fl-2012.
Meta mqabbel mal-istess sena, il-Ministru Falzon spjega li l-akbar żieda kienet fil-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol, li bejniethom żdiedu bi kważi mitejn u tmenin miljun ewro. Fl-istess perjodu wkoll il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedu bi ftit anqas minn ħamsa u għoxrin miljun ewro.
Hekk kif semma ħemel ta’ miżuri oħra, il-Ministru Michael Falzon aċċenna wkoll għaż-żieda sostanzjali f’finanzi lill-fondazzjonijiet bħall-FSWS u aktar għaqdiet volontarji u mhux governattivi.
Qal, “Jekk inqabbel din is-sena ma’ dik tas-sena preċedenti fejn jidħlu dawn il-benefiċċji qed nitkellmu fuq żieda ta’ €91 miljun. Meta qed nitkellmu fuq l-operat kollu qed nitkellmu dwar is-somma ta’ €1.8 biljun ewro.”
Intant minn naħa tal-Gvern dwar il-qasam soċjali tkellmu wkoll id-Deputati Oliver Scicluna u Silvio Grixti.
Minn naħa tiegħu Scicluna ta rendikont tal-miżuri soċjali li jindirizzaw lil dawk b’diżabilità sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom.
Spjega, “F’dan il-Budget qed nara li nsostnu lill-familji vera b’għotja ta’ darba imma għotja li tgħin meta għandek wild ġdid jew adozzjoni u qed naraw li dik il-miżura se tolqot 4,000 ġenitur. Dik li għal kull wild jew adozzjoni se tiżdied minn €300 għal €400.”
Silvio Grixti tenna wkoll li miżuri bħas-żieda fil-pensjonijiet u aktar benefiċċji, se jkompli jgħinu lil min jinsab ’l isfel fis-soċjetà sabiex ikompli jtejjeb il-qagħda tiegħu.
Qal, “Dan huwa Madame Speaker il-bidu ta’ mixja aqwa għal min qiegħed l-isfel biex jitla’ ftit oħra l-fuq. Ma tistax titla’ 5 tarġiet f’daqqa imma dan il-Gvern qed itik l-opportunità li titla’ skaluna skaluna.”