In-nefqa soċjali allokata minn Gvern Laburista fil-Budget għas-sena d-dieħla se tlaħħaq kważi €2 biljun.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem.
Fl-isfond mill-isbaħ tal-Funtana Tritoni, l-Erbgħa filgħodu, il-Ministru Michael Falzon sostna kif dan il-Budget jixhed l-impenn soċjali ta’ dan il-Gvern.
Impenn soċjali kkumplimentat mal-bżulija tal-poplu kollu.
Waqt din il-konferenza l-Ministru Falzon elenka ħemel ta’ miżuri soċjali mħabbra mill-Gvern it-Tnejn li għadda.
Semma fost oħrajn is-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet għall-anzjani, it-twessigħ tal-in-work benefit u ż-żieda fiċ-Children’s Allowance.
Dwar il-miżura taċ-children’s allowance l-Ministru Falzon spjega kif permezz tagħha familja tipika b’żewġt itfal taħt is-16-il sena, jekk id-dħul ma jaqbiżx il-€25,318, hija se tkun qed tieħu żieda ta’ €140 fis-sena waqt li fejn id-dħul jaqbeż dan l-ammont, minflok tieħu żieda ta’ €100.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif l-infiq allokat għan-nefqa soċjali qed tara żieda ta’ €90 miljun fuq is-sena li għaddiet.
Huwa sostna: “Inkun korrett jekk ngħid li kull Budget li għamlu amministrazzjonijiet Laburisti kienu dejjem Budgets soċjali. Inti qed titkellem fuq nefqa llum li qed nersqu lejn in-nefqa ta’ kważi €2 biljun. €2 biljun li rridu naraw li jgawdi kulħadd u jgawdu dawk forsi li huma l-aktar vulnerabbli.”
Spjega wkoll kif dan il-Budget jinkludi fi ħdanu xejn inqas minn 35 miżura soċjali.
Intant matul il-konferenza nġabru numru ta’ anzjani sabiex jisimgħu b’attenzjoni dak li kellu jgħid il-Ministru.
Fil-fatt crew ta’ ONE News fi tmiem il-konferenza nnota numru t’anzjani jistennew jersqu lejn il-Ministru Falzon sabiex jirringrazzjawh għall-miżuri soċjali importanti li ħabbar il-Gvern fil-Budget tat-Tnejn.