Din is-sena, għall-ewwel darba fl-istorja, in-nefqa fuq il-pensjonijiet se tkun qed tlaħħaq is-somma ta’ biljun ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Famija u d-Drittijiet tat-Tfal, il-Ġimgħa filgħodu hekk kif ġie spjegat li dan ir-rekord intlaħaq għall-ewwel darba minħabba ż-żidiet li tħabbru fl-aħħar Budget u li bdew jaslu għand il-pensjonanti minn dan ix-xahar.
B’hekk b’din is-seba’ żieda konsekuttiva, il-pensjonanti Maltin raw żieda ekwivalenti għal kważi 50% ta’ li kienu jirċievu tmien snin ilu.
Fil-fatt, b’rabta mal-pensjonanti, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru msemmi Mark Musù spjega li kull pensjonant qed igawdi minn żieda ta’ €1,687 jew 21.7% aktar ta’ dak li kien jieħu fl-2013.
In-nefqa fl-2013 f’dawk li huma pensjonijiet u benefiċċji soċjali kienet tlaħħaq it-tmien mija u erbatax-il miljun u nofs ewro u l-pensjonanti kienu jgħoddu ftit aktar minn tnejn u tmenin elf persuna.
Imqabbel mal-2013, in-nefqa fil-pensjonijiet żdiedet bi kważi tliet mitt miljun ewro.
Iż-żieda fil-pensjonijiet fl-2022 se tkun qed tiswa €24 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Iż-żieda fil-pensjoni tal-irtirar se jirċievuha mis-Sibt 8 ta’ Jannar, dawk tar-Romol se jirċievuha fil-15 ta’ Jannar, u l-pensjonanti tal-Invalidità u dawk bil-Pensjoni Minima għandha tasal għandhom fit-22 ta’ Jannar.
B’rabta ma’ dan, il-Ministru Michael Falzon tenna li permezz ta’ bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, nistgħu nkomplu niksbu aktar tragwardi flimkien li fuq kollox jirriflettu f’ġejjieni aħjar għalina lkoll.
Qal, “Għal din l-amministrazzjoni Laburista dejjem kien hemm impenn kbir fil-qasam soċjali. Din is-sena qed investu iktar milli investeja, xi ħaġa li għamilna dejjem matul is-snin u l-għan tajjeb jibqa’ dejjem l-istess. Dak li nsaħħu l-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.”