Fil-jum internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, in-Nazzjonijiet Uniti tqis lil Malta bħala stat li għandu qafas regolatorju b’saħħtu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.
Fil-fatt eżami li jkejjel ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem wera li s-sena l-oħra Malta laħqet 75% tal-kriterji.
Dan għall-kuntrarju tal-2009, l-aħħar eżami li għalih poġġa l-Gvern Nazzjonalista.
Dakinhar Malta kisbet biss 37%.
Fil-fatt dak ir-riżultat li huwa n-nofs ta’ dak li għandha llum kien jirrifletti pajjiż fejn l-artisti kellhom is-sarima taċ-ċensura ma’ ħalqhom, fejn l-espressjoni artistika kienet ristretta għal dak li kien moralment aċċettabbli.
Kien hemm ukoll sitwazzjoni fejn żgħażagħ ġew arrestati għax libsu ilbies reliġjuż fil-Karnival.
Studenti oħra tressqu l-Qorti Kriminali għax fissru ħsibijiethom f’ġurnal imqassam fl-Università.
Dan apparti li mara kellha tmur il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għaliex ċaħduha mid-dritt li tiżżewweġ lil min tħobb.
Fi stqarrija l-Ministeru responsabbli mill-Ugwaljanza saħaq li kien dan il-Gvern li b’rieda u determinazzjoni beda revoluzzjoni fl-aktar qasam importanti tal-amministrazzjoni pubblika.
Fakkar li kien dan il-Gvern li ħeles lill-artisti mill-ktajjen taċ-ċensura, li ta l-libertà lill-ġurnalisti biex jaħdmu mingħajr it-theddida tal-libell kriminali, li ta drittijiet ugwali lil kulħadd, li saħħaħ il-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega wkoll li kien dan il-Gvern li saħħaħ id-dritt tal-familja permezz ta’ servizz aħjar tal-IVF b’xejn għal kulħadd, tat-tisħiħ tad-dritt tal-addozzjoni u permezz taż-żieda fil-ġranet tal-leave għal aktar ħin mal-familja, li saħħaħ id-dritt tax-xogħol u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà bl-introduzzjoni tas-servizz taċ-childcare b’xejn u li saħħaħ id-dritt għall-edukazzjoni permezz tat-titjib fl-istipendji.
Dr Zammit Lewis qal li n-Nazzjonijiet Uniti ħarset ukoll lejn il-ħarsien tal-anzjani fejn innutat ukoll iż-żidiet fil-pensjonijiet li ta l-Gvern għal aktar minn sena u kif anki qed itejjeb il-livell tal-għajxien tal-persuni b’diżabilità billi żdiedu n-numru ta’ dawn il-persuni li daħlu fid-dinja tax-xogħol u oħrajn b’diżabilità severa issa se jibdew jirċievu l-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali.
Il-Ministru Zammit Lewis qal: “Kemm imxejna ‘l quddiem mill-2013 lil hawn fid-drittijiet umani, fl-ugwaljanza, fil-libertajiet ċivili. Dan ġie evalwat min-Nazzjonijiet Uniti u tagħna ċertifikat li aħna fejn tidħol il-komunità internazzjonali wieħed mill-aħjar pajjiżi f’dan ir-rigward. Determinati illi x-xogħol tal-Gvern, ix-xogħol tiegħi ma jieqafx, illi nibqgħu għaddejin biex nagħtu iktar rispett u nagħtu ugwaljanza lil kulħadd u f’kull aspett.”
Intant il-Gvern innota li dan ir-riżultat oġġettiv jindika lok għal aktar titjib, iżda li huwa ukoll xhieda tal-passi kbar ’il quddiem li saru fl-aħħar snin.
Dan hekk kif il-pajjiż qed ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja fosthom fil-ħatriet fil-ġudikatura.
Dan filwaqt li issa se jkollna avukat tal-istat li huwa separat mill-avukat ġenerali b’irwol li se jaqdi l-interess pubbliku.
Fl-istess waqt, il-Parlament bħalissa għandu quddiemu l-abbozzi dwar l-Ugwaljanza li se jwaqqfu l-ewwel Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza – Kummissjoni awtonoma li twieġeb biss lill-Parlament, skont il-prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.