Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres sejjaħ għal ordni kostituzzjonali sabiex din terġa’ tiġi stabbilizzata fil-Myanmar filwaqt li qal li jittama li jkun hemm unità fil-Kunsill għas-Sigurtà dwar dan.
Sostna li n-Nazzjonijiet Uniti ser tagħmel dak kollu li tista’ biex issir biżżejjed pressjoni fuq il-Myanmar biex jiġi żgurat li dan il-kolp ta’ stat ifalli.
Intant fil-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda mistennija jiġu diskussi d-dikjarazzjonijiet iżda huwa mifhmum li ċ-Ċina mistennija timblokka kwalunkwe forma ta’ kliem li tikkundanna l-kolp ta’ stat.
Il-Pulizija f’Myanmar, magħrufa bħala Burma, arrestaw lil Aung San Suu Kyi fuq diversi akkużi u ser tinżamm taħt il-kustodja tagħhom sal-15 ta’ Frar li ġej.
Il-grupp Militari li ddikjara stat ta’ emerġenza għall-perjodu ta’ sena, qed jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu b’allegazzjonijiet ta’ frodi fl-elezzjonijiet ta’ Novembru li għadda li Suu Kyi kienet rebħet.
Intant madwar il-pajjiż skattaw diversi protesti fejn raw lil tal-lokal joħorġu fil-gallariji tagħhom u anke t-toroq bit-twaġen u borom f’idejhom u jpaqpqu l-ħornijiet filwaqt li bosta ħaddiema tas-saħħa ħarġu fuq strajk.