Alex Borg, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista li fl-aħħar jiem aktar żied l-isforzi tiegħu biex joqrob iżjed għat-titlu ta’ Kap tal-Partit, ġibed l-attenzjoni tal-gazzetta Illum, li fuq l-ewwel faċċata tagħha rrimarkat li, fost l-oħrajn, irid jieħu lill-Partit Nazzjonalista minn wieħed marbut mal-kampanji kontra l-korruzzjoni għal wieħed populista.
Ġie rrimarkat li Borg jaf li għandu min fil-Partit hu assolutament kontrih, b’referenza għall-fergħa estremista tal-establishment, waqt li konxju li hu popolari man-nies fit-triq u ssemma kif, minkejja l-fatt li m’għandu l-ebda direzzjoni politika singolari, hu appoġġjat minn sezzjonijiet kbar ta’ Nazzjonalisti.
Minbarra hekk, ingħad kif nies viċin Borg jemmnu li Metsola mhux se tiġi Malta, liema fattur jagħtih opportunità akbar, b’sapport mill-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia, li hi kontra l-politika tal-għaqda Repubblika ta’ Robert Aquilina, ħu l-Kap de facto Karol Aquilina, u dawk li jużaw il-mibegħda kontra l-Partit Laburista u l-Laburisti.
Fl-analiżi tal-gazzetta, issemma wkoll kif fl-opportunitajiet tiegħu biex jitkellem u jesprimi ruħu, li wkoll ma kinux fl-attivitajiet uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista stess, Borg diġà indika li lest ikun differenti minn dawk li qed jiddominaw lill-Partit Nazzjonalsita llum il-ġurnata.
Fost l-oħrajn, jinġiebu l-eżempji tal-aħħar ġranet dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment fejn ingħatat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-miżura tal-Gvern li jillimita l-persuni li jżuru l-Bajja ta’ Bejn il-Kmiemen jew il-Blue Lagoon, kif magħrufa, f’Kemmuna.
Hawn Borg ma ddejjaqx jesprimi l-opinjoni tiegħu anke meta din kienet differenti minn dik tal-PN.
L-Illum tiddeskrivi liż-żagħżugħ Għawdxi bħala persuna “b’wiċċ daħkan, b’diskors moderat, bi ġmiel ta’ raġel, b’mara attraenti u appoġġjat minn tim żgħir u professjonali, waqt li qed jimmira għall-aktar kariga kruċjali fil-PN.”