Għada l-jum tal-prova għall-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, meta ser ikunu qed jivvotaw fuq riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt ġewwa Malta. Dan ifisser li l-membri parlamentari Ewropej Maltin reġa’ għandhom test importanti quddiemhom dwar l-impenn tagħhom sabiex jiddefendu lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
Dan saħqu l-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer li ddeskriva r-riżoluzzjoni miktubaw minn Metsola u sħabha bħala attentat ieħor mill-Partit Nazzjonalista sabiex ixekkel l-iżvilupp li qed iseħħ f’Malta f’diversi oqsma tal-ħajja.
Engerer semma kif il-kontenut ta’ din ir-riżoluzzjoni huwa żbilanċjat b’mod partiġġan kontra Malta, riżultat tal-informazzjoni skorretta li preżentaw il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti quddiem il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili. Fakkar kif Roberta Metsola kienet parti mid-delegazzjoni dwar is-saltna tad-dritt li żaret lil pajjiżna fl-2018 u kif dak iż-żmien ħadmet kemm felħet sabiex tagħti impressjoni li f’pajjiżna ma jeżistux id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
“Ir-riżoluzzjoni ma tiħux kont tal-ħidma tal-Gvern sabiex jimplimenta riformi maħsuba li jsaħħu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Din ir-riżoluzzjoni qed tiġi diskussa fl-istess waqt li l-Gvern Malti beda jimplimenta rakkomdazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li kienu ilhom fuq l-ixkaffa għal ħafna u ħafna snin. X’inhu jżomm lil MEPs Nazzjonalisti milli jitkellmu dwar dawn il-bidlet importanti?” staqsa Cyrus Engerer.
Il-poplu Malti reġa’ jinsab f’sitwazzjoni fejn ir-rapreżentanti tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew biss qed jiddefendu l-interessi ta’ pajjiżna. Skont Engerer, l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti tilfu l-kontroll tal-kampanja li għamlu kontra pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dan għaliex fid-dagħdigħa li għandhom ċertu membri parlamentari Ewropej kontra Malta, b’mod speċjali l-MEP Ana Gomes, qed jiġi attakati materji ta’ importanza nazzjonali għal pajjiżna.
Dawn il-materji jinkludu il-kompetenza ta’ pajjiżna li jkollu sistema ta’ taxxa kompetittiva u l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Cyrus Engerer qal li Membru Parlamentari Ewropew serju ma jitkellimx mod meta jkun f’pajjiżu, imbagħad jaħdem bil-kontra meta jkun fil-Parlament Ewropew. “In-Nazzjonalisti jużawk għall-vot u wara jarmuk fil-Parlament Ewropew”, saħaq Engerer.
Quddiem dawn il-fatti kollha, l-għażla bejn min jista’ jiddefendi bl-aqwa mod l-interessi ta’ pajjiżna qatt ma kienet ċara daqs illum. L-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa, partikolarment il-vot t’għada, ser jerġgħu jikkonfermaw li l-Partit Laburista biss jista’ jiddefendi bl-aqwa mod l-interessi ta’ Malta fil-Parlament Ewropew.