Is-Sibt, fetħet il-votazzjoni bikrija fil-Partit Nazzjonalista għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kariga li għaliha Alex Perici Calascione se jkun qed itellaq waħdu hekk kif kien fil-fatt l-uniku persuna li tefa’ ismu għaliha.
Il-ġurnal in-Nazzjon, is-Sibt filgħodu fil-faċċata tiegħu beda billi fakkar f’dan il-proċess li skatta fid-Dar Ċentrali u spjega kif dan huwa proċess ta’ tiġdid.
Dan jikkuntrasta bil-kbir mar-reazzjoni li kiseb ONE News mal-mument li Calascione tefa’ ismu għall-kariga, propju fil-jum meta kienet se tagħlaq l-espressjoni ta’ interess.
Fil-fatt, sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali kienu rrimarkaw kif l-għajta tal-Kap Bernard Grech biss ftit taż-żmien ilu, kienet dwar l-importanza li jdaħħal l-uċuh ġodda. Dan anke bit-tneħħija ta’ Perici Calascione minn President tal-Eżekuttiv u li t-Times kienet irrapurtat kif dan kellu se jsir sabiex jinħoloq spazju għal demm ġdid.
Madankollu l-istess sorsi, perplessi u miblugħa bil-kandidatura ta’ Perici Calascione, sostnew kif Perici Calascione huwa altru minn demm ġdid.
Huma fakkru kif Perici Calascione, kien il-kaxxier tal-Partit Nazzjonalista li huwa mifni bi problemi finanzjarji u fl-2017 anki ħareġ għall-Kap biex ikun is-suċċessur ta’ Simon Busuttil.
Tkellmu magħna wkoll sorsi li jagħmlu parti mil-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif fakkru li Perici Calascione huwa meqjus bħala wieħed mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u li kien imexxi l-Kumitat Eżekuttiv fi żmien li l-istrutturi tal-partit bdew jisfiduċjaw lil dak iż-żmien Kap, Adrian Delia.Fil-fatt l-Eżekuttiv immexxi minn Alex Perici Calascione kien sfiduċja lil Delia fis-sajf jaħraq tal-2020 għall-Partit Nazzjonalista.
L-istess persuni fakkru wkoll kif Bernard Grech kif pubblikament ddikjara li xtaq mara għal din il-kariga ta’ Viċi Kap madankollu l-inabbiltà tiegħu li jmexxi u jispira motivazzjoni fil-Partit tiegħu, wasslitu f’sitwazzjoni fejn kellu jitqanna b’xi ħadd li mhu wiċċ ġdid xejn.
B’hekk bħalma ġara fil-każ ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni riċenti għall-Kap, il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jkollu tellieqa oħra b’żiemel wieħed.
Intant tul il-votazzjoni bikrija, il-Kandidat Nazzjonalista u Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg kompla jikkonferma l-ġlied li għadu jiddomina fid-Dar Ċentrali.
Fi status fuq il-profil tiegħu fuq Facebook huwa tella ritratt minn ġewwa d-Dar Ċentrali u tenna hekk.
“Jiena qiegħed hawn, ma mort imkien u bi ħsiebi nibqa’ hawn. m’inhiex bahri tal-bnazzi.”
Buttigieg kiteb dan hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu huwa deher quddiem il-Kummissjoni Etika Dixxiplina u Mezzi Soċjali tal-Partit Nazzjonalista wara allegazzjonijiet li għamel fuq il-Partit u rjus kbar fi ħdanu.
Dan f’artiklu li kiteb fit-Times fit-13 ta’ Mejju fejn allega li xi ħadd kbir fil-Partit Nazzjonalista kien iltaqa’ ma’ kuntrattur ewlieni f’lukanda u ftiehmu li l-partit jagħlaqlu ħalqu għax kien qed jitkellem kontra ċerti proġetti fil-lokalità tiegħu ta’ San Ġiljan. Fl-artiklu, Buttigieg ilmenta li l-partit fil-fatt warrbu għal kollox waqt il-kampanja elettorali u qal li ħassu mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda.