Fil-ħarġa tiegħu tal-Erbgħa, il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, In-Nazzjon, iddedika spazju biex ifakkar l-anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Mikiel Gonzi.
Fit-titlu, il-ġurnal Nazzjonalista saħansitra ddeskriva lil Gonzi bħala “Sod għall-fidi u għal Malta”.
Il-PN, immexxi minn Bernard Grech, fl-2024 għadu jiddiskrimina u jkejjel lis-soċjetà tagħna l-istess kif għamel dan il-Kap tal-Knisja f’pajjiżna għexieren ta’ snin ilu.
Fejn jekk tkun Laburist jew tħaddan prinċipji Soċjalisti, għandek tkun ikkundannat għal għomrok u anke lil hinn.
Dawk li jmexxu lill-PN illum, l-establishment, ukoll jiddiskriminaw kontra Nazzjonalisti stess, kif seħħ fl-aħħar jiem mal-eks Deputat Franco Debono, bl-aktar mod insensat.
Ta’ min ifakkar li, fost id-deċiżjonijiet diviżivi li ħa l-Arċisqof Gonzi kien hemm dik li f’April ta’ 63 sena ilu ordna l-Interdett fuq il-Mexxej Laburista Dom Mintoff u l-Eżekuttiv kollu tal-Partit Laburista.
Dan wassal biex kull min kien jassoċja ruħu mal-Partit Laburista jew isegwi dak li kien jagħmel dan il-Partit kien ikun meqjus li qed jagħmel dnub mejjet.
Kemm fil-ħniena mal-batut u anke fit-tberik, fil-qrar u fit-tqarbin, il-qassisin kienu ordnati biex jiddiskriminaw fost il-merħla t’Alla. B’dawk bil-marka ħamra wara isimhom jiġu maqbużin jew esklużi mis-soċjetà f’għajnejn il-Knisja, fi żminijiet li kellha saħħa enormi fil-pajjiż, differenti mil-lum il-ġurnata.
Minħabba din id-deċiżjoni tal-bniedem li ġie deskritt minn In-Nazzjon bħala “sod għal Malta”, persuni bi prinċipji Laburisti kellhom jiżżewġu fis-sagristija u wara mewthom jindifnu f’parti separata u mhux ikkonsagrata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, magħrufa bħala “l-Miżbla”.
Kien biss f’Novembru tal-2019 li din is-sezzjoni taċ-ċimiterju ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof attwali Charles Scicluna f’ċerimonja fejn matulha kien obbligat jitlob ukoll apoloġija għad-dnubiet veri ta’ dan il-predeċessur tiegħu.