Naxxarin b’opinjonijiet u twemmin differenti, ingħaqdu flimkien biex jippreżentaw għotja lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, f’okkażjoni li ssir kull sena qabel il-festa tan-Naxxar.
Kienu bosta għaqdiet minn diversi oqsma li ngħaqdu flimkien għal din l-inizjattiva, minn każini politiċi għal dawk tal-banda kif ukoll bis-sehem ta’ negozji mil-lokalità.
Din is-sena kien imiss li din l-attività ssir fiċ-Ċentru Laburista.
Il-President tal-Kumitat Laburista fin-Naxxar, Dominic Chircop spjega kif din l-attività ta’ solidarjetà ma’ ħaddieħor issir ġimgħa qabel il-festa ta’ Marija Bambina.
“Din hija attività li tmur għand il-Community Chest Fund, attvità li tgħaqqad lill-poplu tan-Naxxar u ssir dejjem għal dawn iż-żmimijiet tal-festa, il-Ħadd qabel il-festa ta’ Marija Bambina.”
Il-President ta’ Malta George Vella, ingħaqad mal-komunità Naxxarija l-Ħadd filgħodu, u laqa’ b’entużjażmu d-donazzjonijiet miġbura.
Huwa qal kif dan huwa eżempju ċar ta’ kif isseħħ l-għaqda nazzjonali, fejn bħala ċittadini mmorru lil hinn mid-differenzi ta’ bejnietna u nirrispettaw lil xulxin.
Huwa ħeġġeġ bliet u rħula oħra biex ikunu ispirati minn din l-inizjattiva u jressqu liċ-ċittadini flimkien.
“Għalija jagħmilli ħafna u ħafna kuraġġ u nħeġġeġ li ħafna kunsilli oħra jagħmlu l-istess bħal ma jagħmel il-Kunsill tan-Naxxar ħalli jkun hemm, onestament mhux biex niġbru l-flus importanti li niġbru l-flus. Imma nerġa’ ngħid biex iservi ta’ messaġġ t’għaqda fil-lokalitajiet tagħna.”