Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn SportMalta u l-klabb tal-futbol Naxxar Lions, art f’żona magħrufa bħala x-Xwieki għaddiet għand il-klabb b’ċens għal 45 sena.
B’hekk, il-klabb qiegħed f’pożizzjoni ħafna aħjar biex jamministra din l-art filwaqt li issa jista’ wkoll jippjana fit-tul u jaħseb għall-faċilitajiet sportivi tiegħu.
Mill-ftehim, li jagħti inċentiv lill-klabb biex jinvesti, se jgawdi wkoll il-Youth Nursery tal-klabb u, bi ftehim fil-ħinijiet tal-iskola, il-proprjetà se tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, li qal li l-Gvern huwa impenjat li jipprovdi aktar spazju fil-pajjiż għall-faċilitajiet sportivi. Qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f’kull livell.
Qal li din l-għajnuna hija parti mill-pjan u l-viżjoni tal-Gvern li jsaħħaħ is-settur sportiv biex ikompli jgħolli l-istandard tal-isport f’pajjiżna, anki fil-livell ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet.
Il-Ministru Grima qal li f’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi li huma b’saħħithom u li qed jagħmlu l-ġid fis-soċjetà Maltija, u għalhekk ġid fit-tfal tagħna. Permezz ta’ aktar investiment fl-isport qed nagħtu lit-tfal valuri importanti.
Permezz tas-sussidju ta’ 95 fil-mija, li huwa parti minn skema ta’ SportMalta, il-klabb se jħallas ċens ta’ €563 fis-sena, minflok il-valur attwali ta’ aktar minn €11,000.
L-ammont imħallas mill-klabb jitpoġġa fi ‘Sports Fund’ li jiġi utilizzat għal aktar investiment mill-ġdid fl-isport lokali.