Il-Ħadd filgħodu bdiet iddur il-kelma li l-bajja ta’ Fomm ir-Riħ intilfet darba għal dejjem, wara li ġġarfet parti mill-irdum fl-akwati. L-għada, ONE News ħareġ fuq dgħajsa mal-ekwipaġġ tal-għaqda tas-Salib l-Aħmar fejn seta’ jsegwi l-effetti li dan it-tiġrif naturali ħalla fuq din il-bajja fil-punent tal-pajjiż.
Il-baħar kien għadu mqanqal bit-tafal li niżel fil-baħar minn mal-irdum. Dan tant li b’differenza għal akwati oħra l-baħar deher imdardar u b’biċċiet bojod bit-trab mal-kosta.
Waqt id-dawra mal-kosta Maltija l-Crew ta’ One News kellu l-opportunità li jsegwi l-ħidma tal-ekwipaġġ tal-għaqda tas-Salib l-Aħmar. Dan hekk kif f’mument minnhom l-ekwipaġġ lemaħ raġel fuq dgħajsa isejjaħ għall-għajnuna. Hekk kif resqu qrib id-dgħajsa r-raġel stqarr li kien waqaflu l-mutur tad-dgħajsa.
Minnufih l-ekwipaġġ rabat id-dgħajsa qabel ġiet irmunkata sa ftit ‘il barra mill-bajja tal-Ġnejna. Hawnhekk, l-ekwipaġġ sejjaħ għal membru ieħor tal-Salib l-aħmar li ħareġ b’jet ski sabiex ikun jista’ jwassal lir-raġel u d-dgħajsa tiegħu sax-xatt.
Sam Bilham mill-għaqda Maltija tas-Salib l-Aħmar spjegalna kif fis-Sajf ix-xogħol fuq il-baħar jiżdied sew u jaraw li jkunu lesti għal dak kollu li jista’ jinqala’ mal-kosta Maltija.
Huwa spjega: “So we actually cover mostly all of Malta. We got a call the other week, down to area 7, what is Marsaxlokk, and basically we got there in 16 minutes to assist the AFM.”
Dan l-istazzjon segwa wkoll ir-ronda li ssir mill-ekwipaġġ tas-Salib l-Aħmar mal-bajjiet differenti madwar il-kosta Maltija.