In-NATO bdiet l-akbar eżerċizzju fl-ajru fl-istorja tagħha.
Linji tal-ajru avżaw li dan jista b’xi mod iħarbat l-ivvjaġġar bl-ajru f’xi partijiet tal-Ewropa.
Is-sensiela ta’ manuvri tal-ajru, li qed jiġu kkoordinati mill-Ġermanja, se turi s-saħħa u l-għaqda tal-alleanza militari tal-Punent fil-kuntest tal-gwerra Ukranja.
L-eżerċizzju, imsejjaħ Air Defender 23, se jibqa’ għaddej sat-23 ta’ Ġunju u fih qed jieħdu sehem madwar 250 inġenju tal-ajru militari minn 25 Stat membru tan-NATO u stati sħab, inklużi l-Ġappun u l-Iżvezja.
Sa 10,000 persuna se jipparteċipaw fl-eżerċizzji li l-għan tagħhom huwa Ii jsaħħu l-interoperabilità u l-protezzjoni kontra d-drones u l-missili tal-ajru cruise f’sitwazzjonijiet ta’ attakki fuq bliet, ajruporti, u portijiet li jinsabu f’territorju tan-NATO.
kitba: Nicole Sciberras Balbi