Iċ-ċittadin Kanadiż li għamilha ta’ narratur f’diversi vidjows ta’ propaganda għall-Istat Iżlamiku ġie mixli fl-Istati Uniti.
Mohammed Khalifa, imwieled fl-Arabja Sawdija kien inqabad fis-Sirja minn militanti Kurdi fl-2019 imbagħad kien spiċċa f’idejn l-FBI.
Prosekuturi qegħdin jgħidu li r-raġel li għandu 38 sena kien il-vuċi wara l-vjolenza u qabel sar traduttur u narratur fil-filmati tal-grupp, kien suldat tal-Istat Iżlamiku.
Huwa mistenni jittella’ l-Qorti l-ġimgħa d-dieħla akkużat li provda appoġġ lil organizzazzjoni terroristika.
F’intervista li kien għamel, Khalifa kien insista li hu kien biss il-vuċi tal-Istat Iżlamiku u ma kellu l-ebda rwol fix-xeni grotteski li ntwerew fil-filmati li hu kien narratur tagħhom.