Tlesta x-xogħol fuq 75% tal-binja bl-isem Narċis li se tospita adulti iżgħar fl-età, li minħabba xi inċident jew ċirkustanza oħra, għandhom dipendenza għolja ħafna. Dan il-proġett sewa qrib iż-€2 miljun.
Waqt żjara fuq il-post li għamlu l-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, kien spjegat li l-binja se tospita mas-sittax-il persuna bejn is-16 u s-60 sena, li se jkunu kkwalifikaw ukoll għal programm ta’ riabilitazzjoni u program soċjali. Dan se jkun offrut minn professjonisti grazzi għal ftehim li r-residenza għamlet mal-Aġenzija Sapport. Hawnhekk se jkunu offrut ukoll servizz ta’ respite u ta’ terapija tal-familja.
Il-Kap Eżekuttiv tar-residenza San Vinċenz de Paule Josianne Cutajar qalet li l-pjan hu li l-binja tinfetaħ u tibda tintuża mill-ħarifa.