Meta f’ kawża tal-familja jkunu involuti t-tfal il-Qorti tkun pronta li bl-aħjar interess tal-minuri f’ moħħha, talloka l-ħin u l-aċċess li kull ġenitur ikollu mal-bint jew iben. Iżda l-qorti tinjora, jew aħjar ma tirregolax, relazzjoni oħra importanti fil-ħajja tal-wild- dik ta’ man-nanniet.
Din it-tema kienet ċentrali f’laqgħa tal-Parlament tan-nanniet. Fejn intqal li mhux darba u tnejn li n-nanniet ikunu ilhom xhur jew snin ma jaraw lin-neputijiet, kemm minħabba inkwiet bejn il-ġenituri jew minħabba tilwim bejn il-ġenituri u n-nanniet.
Sitwazzjoni sfortunata li n-nanniet iriduha tispiċċa darba għal dejjem, bl-introduzzjoni ta’ struttura legali fejn il-qrati ta’ Malta jikkunsidraw it-talbiet u r-rwol tan-nanniet meta tittieħed deċizjoni dwar il-kura u l-kustodja tat-tfal.
Quddiem in-neputijiet tagħhom u l-politiċi, n-nanniet ġibdu l-attenzjoni li kemm huma kif ukoll in-neputijiet tagħhom għandhom dritt igawdu lil xulxin, u li mhemm l-ebda liġi li tissalvagwardja dan.
It-tfal jiddependu fuq il-ġenituri, sostna Philip Chircop, il-fondatur tal-fondazzjoni, għalhekk mgħandux ikun hemm lok li dawn jintużaw bħala arma ta’ rikatt għall-ġenituri fil-konfront tan-nanniet.
Fil-Parlament instemgħu diversi esperjenzi personali, li l-leġislatur jista’ jilleġiżla biex jipprevjenihom.
Iżda din is-seduta intużat ukoll biex titqajjem kuxjenza dwar diversi studji dwar ir-relazzjoni bejn in-nanniet u n-neputijiet.
Filwaqt li diversi tfal, mill-iskejjel primarji, qasmu mall-ġenerazzjoni anzjana xi jfissru għalihom u wrew l-apprezzament tagħhom għall-paċenzja li jieħdu bihom, għalkemm ħafna drabi l-paċenzja jaf tkun reċiproka.
Is-sessjoni tal-Parlament tan-Nanniet antiċipat jum importanti, hekk kif il-Ħadd li ġej huwa l-jum iddedikat għalihom.
Għalhekk jekk nanntek jew nannuk għadhom igawdu mill-għomor tinsiex dik it-telefonata jew żjara qasira, li żgur ittellagħhom is-sema!