Kont taf li tmenin fil-mija tal-ikel li nieklu huwa mdakkar min-naħal?
In-naħla Maltija, bħal kull naħla oħra, hi essenzjali għall-ekosistema tagħna. Permezz tal-ħidma tagħha, li tibqa’ għaddejja sajf u xitwa, aktar minn terz tal-provvista dinjija tal-ikel jiddependi fuqha.
Minkejja l-importanza tan-naħla għall-ekosistema, il-popolazzjoni tal-ispeċi Maltija qiegħda dejjem tonqos minħabba li qed tintilef kaġun tal-fatt li, fost l-oħrajn, qed titħallat ma’ naħal importat minn barra l-pajjiż.
Din is-sena, sabiex in-naħal ikun jista’ jdakkar aktar, Parks Malta għażlet li ma taqtax il-ħaxix selvaġġ fil-parks tagħha biex b’hekk tingħata għajnuna lin-naħla fil-ħidma tagħha. Fl-istess waqt, qed isiru taħditiet ma’ għadd ta’ għaqdiet ta’ min irabbi n-naħal biex isiru aktar proġetti.
In-naħla Maltija tista’ titqies bħala waħda li hi ferm aktar bieżla minn naħal ieħor. Hija adattata għall-klima Maltija u wkoll reżistenti għal ċertu mard li jiġi trażmess minn naħal ieħor.
Sabiex wieħed ikompli jservi ta’ għajnuna għan-naħal fil-ħidma tagħhom, għandu jħawwel aktar fjuri fuq il-bejt jew fil-gallariji, jipprovdi l-ilma billi jħalli barra kontenituri wesgħin u baxxi, filwaqt li jevita l-pestiċidi fil-ġnien tiegħu.
Intant f’każ li wieħed jiltaqa’ ma naħla li tkun għajjiena jew sturduta, kuċċarina zokkor bl-ilma jew anke ftit għasel jagħmel tajjeb biex jgħinha tkompli bil-vjaġġ tagħha.